Żwiemel, ħamiem u karozzi mneħħija minn strutturi illegali

Uffiċjali tal-MEPA neħħew żvilupp illegali minn tliet siti kbar f’Birkirkara u fiż-żona rurali tal-Bidnija.
Fil-Bidnija, f’siti barra l-iżvilupp, fiż-żona magħruf bħala ‘Tal-Ħireb’, l-Awtorità għalqet żewġ każi ta’ nfurzar, fejn artijiet ma’ ġenb xulxin ġew mreġġgħin għall-istat oriġinali tagħhom, għal użu agrikolu.
Vetturi mhux użati, partijiet mekkaniċi, affarijiet anċillari, planki tal-konkrit u ammonti kbar ta’ materjal tal-kostruzzjoni kienu mqiegħda illegalment fis-siti.
Fl-2011, il-Kummissjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar irrifjutat applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ din l-art. 
It-tieni ħidma ta’ nfurzar saret f’Birkirkara, f’sit imdawwar bir-residenzi. 
Il-MEPA waqqgħet strutturi illegali u guvi tal-ħammiem kif ukoll tneħħew vetturi mingħajr liċenzja u stallel miftuħa. 
Fil-preżenza tad-Dipartiment tal-Animal Welfare u veterinarji, ġew ukoll rilokati annimali li jinkludu żwiemel, ponies, fniek, tiġieġ u ħammiem, li kienu miżmuma f’dawn il-kmamar illegali.