Żwieġ: “Jekk Malta tassew multikulturali, irridu nħaddnu l-libertà reliġjuża”

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, enfasizzat li jekk Malta trid tkun verament pajjiż multikulturali, mela trid tħaddan ukoll u taċċetta li dal-pajjiż ikollu jeżistu flimkien twemmin differenti.
Waqt li kienet qed tindirizza lill-pubbliku waqt il-ftuħ ta’ sessjonin plenarja ta’ konferenza organizzata mill-Università ta’ Malta u l-Universitajiet ta’ Amsterdam u George Mason, Coleiro Preca tkellmet dwar il-mod differenti kif iħarsu lejn iż-żwieġ reliġjonijiet differenti.
Sostniet li l-Maltin iridu jirrispettaw din id-diversità reliġjuża f’Malta u l-Mediterran, partikularment kif dawn jifhmu ż-żwieġ u postu fis-soċjetà.
Irrimarkat li konferenzi bħal din, li kien jisimha “Religious Marriages in the Mediterranean”, ilaqqgħu entitajiet ta’ riċerka flimkien sabiex jaqsmu flimkien l-għerf tagħhom u jifhmu ż-żwieġ f’soċjetjiet differenti.
Il-President semmiet kif bħalma ġara fil-passat, meta persuni ġew iddiskriminati fiż-żwieġ minħabba razza jew kulur, illum il-ġurnata persuni tal-istes sess jgħaddu mill-istess inkwiet.
“Jekk se nikkommettu ruħna biex nibnu djalogu b’saħħtu bejn kulturi differenti, mela rridu nistinkaw biex ikun hawn libertà reliġjuża wkoll”, qalet il-President.
Madankollu aċċennat għad-diżgwidi u t-tensjoni li tinħoloq, u qalet li dawn iridu jimbuttawna biex neżaminaw sewwa kif nitkellmu dwar ħaddieħor.
Temmet tgħid li dawn il-prattiċi l-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà twettaqhom fil-prattika l-ħin kollu.