“Żvolta storika għall-ugwaljanza bejn is-sessi” – NCPE

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) laqgħet il-proposti tad-dokument ta’ konsultazzjoni għar-riforma parlamentari fl-ugwaljanza bejn is-sessi. L-NCPE qalet li l-implimentazzjoni tal-miżuri elenkati f’dan id-dokument tkun tikkostitwixxi żvolta storika għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-prattika u li tagħmel lil Malta soċjetà iktar demokratika bil-partiċipazzjoni sħiħa u ugwali ta’ nisa u rġiel.

Fi stqarrija, l-NCPE qalet li ħafna pajjiżi tal-Unjoni Ewropej bħall-Irlanda, Franza u Slovenja, għarfu l-bżonn li jiġi indirizzat dan id-defiċit u wettqu miżuri pożittivi għal rappreżentanza bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-politika.

Spjegaw li dan id-dokument ta’ konsultazzjoni jissuġġerixxi diversi miżuri pożittivi fi stadji differenti, li jindirizzaw kemm il-kawżi kif ukoll il-konsegwenzi tal-inguwaljanza bejn il-ġeneri fl-isfera politika, filwaqt li jikkunsidra l-kuntest politiku u soċjali partikolari għal Malta.

Aktar dwar id-dokument ta’ konsultazzjoni li nieda l-Gvern b’rabta ma’ miżuri biex ikun hemm rappreżentanza bilanċjata bejn iż-żewġ sessi fil-Parlament:

Awdjo: “Mill-inqas 40% tal-MPs fl-elezzjoni li jmiss se jkunu nisa”

Intant, il-moviment xellugi Żminijietna qal li jaqbel bis-sħiħ fil-prinċipju mal-proposta li jiżdied in-numru ta’ rappreżentanti nisa fil-Parlament iżda hija kontra l-proposta li jiżdied l-għadd ta’ deputati fil-Parlament.

Żminijietna kompliet tgħid li minn 65 MP, 55 xorta għandhom jiġu eletti taħt is-sistema kurrenti, l-unika differenza se tkun li jkun hemm 11-il distrett minflok 13. Il-bqija jiġu mqassma proporzjonalment skond in-numru ta’ voti li l-partiti kisbu, bil-għan li jintlaħaq bilanċ bejn is-sessi.

Fi programm fuq RTK, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca qalet li hija xettika dwar il-proposta biex l-għadd tal-membri parlamentari jikber bi 12 sabiex ikun hemm rappreżentanza akbar ta’ nisa.

Filmat: Il-President Emeritu ma taqbilx mal-proposti li saru dwar kwoti għan-nisa