Żvizzera: Ma jħallux lill-immigranti jżuru postijiet pubbliċi

Diversi bliet fl-Iżvizzera qed jippjanaw li ma jħallux lill-immigranti irregolari jżuru postijiet pubbliċi bħal pixxini, bandli u libreriji. 

Uffiċjali jgħidu li dan se jsir bil-għan li tonqos it-tensjoni bejn l-immigranti nfushom u r-residenti.

Rapporti qalu li l-immigranti għandhom jinżammu f’ċentri speċjali, prinċipalment dawk li kienu jintużaw bħala kwartieri tal-armata. L-ewwel ċentru ta’ dan it-tip fetaħ fil-belt ta’ Bremgarten.

L-awtoritajiet Żvizzeri jgħidu li l-għadd ta’ immigranti fil-pajjiż jaqbeż il-medja Ewropea.  Bħalissa fil-pajjiż hemm madwar 48,000 immigrant irregolari.

Is-Sindku ta’ waħda mill-bliet li fihom hemm bosta immigranti, qal li dawn m’għandhomx jitħallew imorru f’inħawi partikolari bħal qrib l-iskejjel.

Għaqdiet għad-drittijiet tal-bniedem jinsabu urtati b’dawn il-miżuri li qed isejħu razzisti.

Minn naħa tagħha l-aġenzija tar-refuġjati tal-Ġnus Magħquda, il-UNHCR qalet li l-immigranti għandhom igawdu minn aċċess ħieles.

F’Ġunju li għadda, il-poplu Żvizzeru vvota biex jappoġġja din id-deċiżjoni kontroversjali.

Fl-Iżvizzera hemm immigrant għal kull 332 ċittadin Żvizzeru, meta l-medja Ewropea hija dik ta’ immigrant għal kull 625 ċittadin.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.