Żviluppi pożittivi fis-saħħa jekk bir-rieda ta’ kulħadd – Muscat

Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li jista’ jkun hemm żviluppi pożittivi fil-qasam tas-saħħa jekk ikun hemm rieda minn kulħadd.
Waqt kollegament telefoniku fuq One Radio, Muscat ġie mistoqsi dwar jekk kienx hemm xi żviluppi b’rabta man-negozjati bejn it-tobba u l-Gvern. Muscat qal li l-Gvern irid jagħti ċertu assigurazzjonijiet biex isir il-proġett mal-privat. Żied jgħid li jrid ikun hemm sistema li taħdem kemm għall-Gvern kif ukoll għat-tobba. Qal li d-diskussjonijiet se jkomplu għada u fil-jiem li ġejjin.
Crane Currency f’Malta
Dwar il-ftuħ tal-faċilità l-ġdida tal-Crane Currency f’Ħal Far, Muscat qal li dan huwa sintomu tad-deċiżjonijiet li l-Gvern ħa fil-passat. Qal li meta l-kumpanija De La Rue kienet qalet li se tkun qed tnaqqas l-ammont ta’ ħaddiema tagħha, il-Gvern beda jaħdem biex jattira kumpanija oħra. Stqarr li jidher li d-De La Rue se tkun qed iżżid il-ħaddiema minflok, allura issa spiċċaw ġew impjegati aktar nies fis-settur.
"Interess fis-settur tal-marijuana medika"
Waqt il-kollegament Muscat irrefera wkoll għal tliet kumpaniji barranin li huma interessati joperaw f’Malta fis-settur tal-marijuana medika. Qal li jrid li Malta tkun fuq quddiem f’dan il-qasam.
"Bżonn aktar spazju għall-iżvilupp"
Muscat saħaq li hemm il-ħtieġa ta’ aktar spazju għall-fabbriki u postijiet tax-xogħol. Qal li hemm każijiet bħal dak taż-Żejtun fejn il-bdiewa qed jopponu li l-art f’dan ir-raħal jintuża għall-iżvilupp. Stqarr li huwa d-dover tal-Gvern biex tinstab alternattiva wara diskussjonijiet mal-partijiet konċernati, minkejja li l-art fiż-Żejtun hija art tal-Gvern.