​Żviluppi konkreti fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ghana

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Intergrazzjoni Reġjonali tal-Ghana. Shirley Ayorkor Botchway, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ ta’ Malta, Carmelo Abela, qablu li tibda l-ħidma ta’ tħejjija biex fix-xhur li ġejjin issir, fil-Ghana, it-tieni laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta Permanenti teknika bejn Malta u l-Ghana għall-Koperazzjoni Bilaterali. Id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa li ż-żewġ ministri kellhom fil-kapitali Ghaniża, Accra, fil-marġini taż-żjara Statali li qed tagħmel f’dan il-pajjiż tal-Afrika tal-Punent il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro-Preca.
Il-Kummissjoni Konġunta nħolqot permezz ta’ Memorandum ta’ Qbil li ż-żewġ pajjiżi ffirmaw fis-26 ta’ Settembru 2014, fil-marġini tad-69 seduta tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York. L-ewwel laqgħa saret fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, fil-Belt Valletta, fil-11 ta’ Settembru 2015, u fiha ż-żewġ naħat qablu fuq diversi proposti li kellhom jitwettqu sabiex jingħata kontribut għat-tisħiħ u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bilaterali filwaqt li jiżdiedu l-iskambji, l-esperjenzi u l-koperazzjoni fl-oqsma tal-kultura u t-turiżmu, l-edukazzjoni, il-migrazzjoni u l-koperazzjoni pulizjeska dwar il-kontroll tal-frutnieri, l-adozzjonijiet, u l-koperazzjoni fuq l-investiment.
Intant, f’Accra, il-Ministri Abela u Botchway din il-ġimgħa ffirmaw Memorandum ta’ Qbil politiku li jistabbilixxi mekkaniżmu għal konsultazzjonijiet politiċi bilaterali fuq bażi regolari. Il-konsultazzjonijiet se jkunu jkopru r-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, kulturali, teknoloġiċi, u konsulari kif ukoll oqsma oħrajn ta’ interess komuni. Iċ-ċerimonja tal-iffirmar saret fil-Palazz Presidenzjali f’Accra, fil-preżenza tal-President tal-Ghana, Nana Addo Dankwa Akufo-Addo, u l-President ta’ Malta, Marie Louie Coleiro-Preca.
F’Accra, il-Ministru Abea kellu wkoll laqgħa mal-Ministru Ghaniż tal-Kummerċ u l-Industrija, Alan Kyerematen, li miegħu ddiskuta kif ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn Malta u l-Ghana jistgħu jitjiebu b’mod konkret. Huma qablu li, jekk jinħareġ il-potenzjal tan-negozju bejn iż-żewġ pajjiżi, mhux  biss igawdu l-ekonomiji tagħhom it-tnejn, iżda jkun ukoll inbena pont li jgħaqqad flimkien liż-żewġ popli.
Ritratt: DOI – Jason Borg