Żviluppi importanti fl-oqsma tal-komunikazzjoni tal-Vatikan

Il-Vatikan nieda sit elettroniku ġdid multi-media filwaqt li r-Radju Vatikan u l-istazzjoni televiżiv tal-Vatikan se jibqgħu aċċessibbli u jservu bħala arkivju. Dan ħabbru Mons. Dario Vigano, Prefett tas-Segretarjat tal-Komunikazzjoni tas-Santa Sede.
L-aħbar ħarġet wara li l-istess Vigano ippreżenta l-proġett lill-Papa Franġisku u lill-Kunsill Internazzjonali tal-Kardinali u spjega l-proċess u l-progress li kien sar biex id-diversi sorsi ta’ media tal-Vatikan jinġabru f’sit wieħed.
Is-sit se jkun responsabbli wkoll għall-produzzjoni ta’ materjal audio, video, grafika u test f’diversi lingwi li jkunu jistgħu jintużaw fuq diversi pjattaformi, inkluż is-sit elettroniku l-ġdid kif ukoll fuq il-media soċjali.
Eventwalment iċ-Ċentru Multimedjali tal-Vatikan li se jamministra wkoll is-sit elettroniku se jkun qed iħaddem 350 impjegat li se jkunu ġejjin minn fost dawk li jipproduċu l-40 programmi f’lingwi differenti tar-Radju Vatikan u mid-disa’ istituzzjonijiet – ir-radju, l-Osservatore Romano, it-televiżjoni, l-istamperija u oqsma oħra tas-Segretarjat tal-Komunikazzjoni tal-Vatikan.
Fil-bidu se jkun hemm 70 ħaddiem li se jaħdmu programmi b’sitt lingwi, Taljan, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż, Spanjol u Portugiż li jiffukkaw fuq erba’ oqsma li huma il-Papa, il-Vatikan, il-Knisja u d-Dinja.
Greg Burke, Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan qal li s-sit elettroniku u ċ-Ċeentru tal-Produzzjoni huma l-ewwel espressjoni viżibbli u konkreta tat-talba tal-Papa u l-Kardinali konsulenti tiegħu, biex ikun hemm unifikazzjoni fil-komunikazzjoni tal-Knisja.
Hu qal li l-Papa u l-Kardinali “jaraw fil-Kurja bħala strument ta’ Evnaġeliżazzjoni għas-servizz tal-Papa u tal-Knejjes lokali. L-idea li tkun riformata l-Kurja Rumana m’hix sempliċement bidla fl-istrutturi imma wkoll fil-mentalita’”.