Żviluppi fit-taħditiet bejn il-Gvern u l-MAM

Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan qal li l-żviluppi fit-taħditiet li kellha mal-Gvern illum huma “ongoing negotiations” minħabba li deċiżjoni finali mistennija titieħed l-Erbgħa.
L-Erbgħa se ssir laqgħa oħra bejn il-Gvern u l-MAM. Dwar jekk hux se jkun hemm aktar azzjonaijiet industrijali, Martin Balzan qal li l-Assoċjazzjoni għadha trid tistudja dak li ntqal illum biex jaraw il-possibiltà ta’ azzjonijiet industrijali għal Ħamis li ġej.
Fl-aħħar sigħat il-membri tal-Kunsill tal-MAM kellhom laqgħa mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jiġu diskussi l-proposti mressqa mit-tobba biex jilħqu ftehim mal-Gvern u biex ma jkunx hemm aktar azzjonijiet industrijali.
F’kummenti lill-midja qabel ma daħlu għall-laqgħa, Balzan qal li huma qed jistennew l-eżitu ta’ din il-laqgħa qabel jitħabbru aktar azzjonijiet, filwaqt li reġa’ sostna li “l-ballun f’saqajn il-Ministru”.
Mistoqsi mill-ġurnalisti wara li ħarġu mil-laqgħa, Balzan ma żvelax dettalji dwar x’ġie diskuss minħabba li skont hu dan ikun qed “jikkomprometti” l-konklużjonijiet tal-ftehim bejn it-tobba u l-Gvern.
Fi stqarrija li ħarġet dalgħodu, il-MAM qalet li fl-2015 kienet bdiet bil-laqgħat mal-Gvern dwar il-ftehim mal-VGH għall-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet, iżda meta faqqgħu l-allegazzjonijiet tal-Panama Papers, li fihom kien involut il-Ministru Konrad Mizzi, u anki dawk tas-sidien tal-VGH, il-MAM kienet iddeċidiet li tirtira min-negozjati.