Żviluppata Rotta Kulturali fl-Imqabba

Fi Pjazza Ġublew tad-Djamanti fl-Imqabba ġiet inawgurata ‘Heritage Trail’ li tinkorpora informazzjoni dwar is-sejba ta’ katakombi u tisbieħ tal-istess pjazza. Il-Proġett sewa lill-Kunsill Lokali tal-istess lokalita’ iktar minn €600,000 li kważi €450,000 minnhom ġew minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said qal li dan il-proġett huwa eżempju prattiku ta’ kif lokalita’ tista’ tinkoraġixxi l-iżvilupp sostenibbli. Qal li bil-ħolqien ta’ din ir-rotta kulturali, tinseġ f’katina waħda uħud mill-attrazzjonijiet storiċi, kulturali u turistiċi waqt li tgħarraf l-identita’ kulturali u l-preservazzjoni tal-għeruq tal-Maltin.

L-Onorevoli Chris Said semma li fl-aħħar ftit snin mibarra ż-żieda fil-finanzi tal-Kunsilli Lokali mill-Gvern, kien hemm qawmien f’dawk li huma proġetti li jitwettqu b’fondi tal-Unjoni Ewropea.