Żviluppat test tad-demm biex tara jekk hux se tmut fi żmien 10 snin

Xjenzati fil-Ġermanja żviluppaw test tad-demm li jgħidlek x’ċansijiet għandek li tmut fl-10 snin li ġejjin. Huma skoprew 14-il biomarker fid-demm jaffettwaw ir-riskju ta’ mewt wara li analizzaw 44,000 persuna. Il-biomarkers huma assoċjati mal-immunità tal-ġisem għal ċertu mard u l-kontroll taz-zokkor saċ-ċirkolazzjoni tax-xaħam u l-infjammazzjonijiet.

L-istudju sar fl-Istitut tal-Bioloġija Max Planck fejn kien eżaminat id-demm ta’ adulti ta’ bejn it-18 u l-109 sena. Il-parteċipanti kollha kienu ta’ dixxendenza Ewropea.

Meta saru t-testijiet i nstab li dawk kienu preċiżi fi 83 fil-mija tal-każi. Dawn iwasslu wkoll biex jaraw xi trattament għall-mard għandha tieħu persuna u jekk persuna hix b’saħħitha biżżejjed għal xi operazzjoni medika. Xi esperti qalu li din ir-riċerka hija pass eċċitanti ’l quddiem imma jeħtieġ aktar studju qabel it-test ikun aċċettat mija fil-mija mill-isptarijiet u l-kliniċi.

It-tobba ġeneralment kapaċi jgħidu jekk persuna tkunx se tmut fi żmien sena bbażat fuq diversi fatturi fosthom il-kolesterol u l-pressjoni tad-demm.

“Imma xi ħaġa għal kollox differenti biex tbassar persuna hix se tgħix ħames jew 10 snin oħra,” kitbu fil-ġurnal mediku Nature Communications.