Żvilupp tad-db f’Pembroke: NGOs isibu evidenza ta’ bunker tal-Gwerra l-Bierda

Instabu pjanti u evidenza li juru li jeżisti bunker ta’ żmien il-Gwerra l-Bierda u engine room ta’ żmien it-tletinijiet fl-akkwati bejn Pembroke u l-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, fejn ġie approvat żvilupp tal-Grupp db. Dawn is-sejbiet ma kinux iddikjarati. Tmien NGOs qegħdin jitolbu Ordni ta’ Konservazzjoni b’Emerġenza għal dan is-sit.
Jidher li dan il-bunker kien inħoloq sabiex issir substation fis-snin 50. Fi stqarrija, l-NGOs spjegaw li dawn huma sejbiet ta’ wirt industrijali, militari u storiku, li ma ssemmewx fir-rapport ta’ assessjar għall-patrimonju kkummissjonat mill-iżviluppatur. Qalu wkoll li jekk dan il-proġett jitħalla jibqa’ għaddej, dawn il-karatteristiċi u aktar eżempji bikrin ta’ kwartieri militari ta’ żmien l-Ingliżi se jinqerdu.
L-NGOs staqsew kif inhu possibbli li bunker ta’ żmien il-Gwerra Bierda u karatteristiċi oħra ta’ wirt storiku ġew totalment injorati waqt il-proċess tal-applikazzjoni tal-ippjanar, li suppost kellha ssir bir-reqqa u b’mod estensiv.
Żiedu jgħidu li qed tingħata l-impressjoni li l-approċċ li qed jieħdu l-awtoritajiet hija waħda ta’ negliġenza u traskuraġni “fejn kollox jgħaddi ta’ malajr malajr u fejn il-wirt storiku jiġi injorat biex b’hekk ikun aktar faċli li jiġi meqrud.” Għaldaqstant, l-NGOs qed jitolbu lis-Sovraintendent għall-Patrimonju Kulturali biex joħroġ Emergency Conservation Order fuq il-karatteristiċi ta’ wirt storiku li jinsabu f’dan is-sit u biex issir evalwazzjoni xierqa ħalli jiġi salvat dak li għadu jista’ jissalva.
 
It-tmien għaqdiet wara din id-deċiżjoni huma: Din l-Art Ħelwa, Ramblers’ Association of Malta, BirdLife Malta, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, Flimkien għal Ambjent AħjarBicycle Advocacy Group u Żminijietna – Leħen ix-Xellug.
Aqra aktar hawn: