Żvilupp f’Paceville: l-Agostinjani jispjegaw lill-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja

Il-Provinċja Agostinjana Maltija fi stqarrija qalet li laqgħet it-talba tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent biex issir taf iktar dwar il-proġett.
Il-medja soċjali f'dawn l-aħħar jiem xegħlu dwar il-proġett f'din l-art tal-Provinċja Agostinjana li se tkun qed tiġi mikrija u użata minn terzi. L-art kienet parti mill-kunvent ta' Santa Rita, fil-qalba ta' Paceville, u kienet tintuża biex il-kunvent ikollu prodotti agrikoli għall-għejxien tal-patrijiet.
Il-Provinċjal, Patri Leslie Gatt, fl-istqarrija qal li żmien ilu kien sar ħsieb biex din l-art tiġi żviluppata iżda l-proġett kien twaqqaf. Fl-istqarrija, il-Provinċjal sostna wkoll li l-art ma setgħetx tibqa’ mitluqa fid-dawl tal-iżvilupp li kien qed isir fil-madwar u għalhekk inkriet.
Skont il-Provinċja Agostinjana, fost l-affarijiet li qed jiġu kkunsidrati biex jintlaħaq l-ftehim bejn Baystreet Holdings u l-Provinċja, hemm ir-restawr minn barra tal-binja sħiħa, kemm tal-kunvent kif ukoll tal-kappella, talba biex aktar minn nofs l-ispazju jitħalla bħala pjazza quddiem il-kunvent  u l-possibilità li t-taraġ prinċipali u d-dħul għall-knisja u l-kunvent ikunu aċċessibbli. Jekk u meta dan il-ftehim ikun iffinalizzat, qalet il-Provinċja, jibda l-proċess għall-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjannar.
Patri Leslie Gatt sostna li d-dħul li qed jsir minn din il-kirja se jmur biex il-patrijiet ikomplu jinvestu fl-impenni tagħhom kemm dawk reliġjużi, soċjali u edukattivi. L-Agostinjani f'Malta jmexxu kulleġġ b’żewġ setturi li joffri edukazzjoni lil 825 student.
Binja oħra tal-Provinċja ngħatat u tintuża minn dar tat-tfal. Il-Provinċja tagħti wkoll sapport kontinwu lil diversi opri missjunarji. Barra minn hekk, fuq erba’ kunventi tagħha, il-Pronvinċja investiet ukoll fi proġett ta’ installazzjoni tal-pannelli fotovoltajċi.