“Żvilupp esaġerat fiċ-ċentru tas-Siġġiewi”; residenti rrabjati

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jkun qed jorganizza Laqgħa Pubblika kontra dak li sejjaħ bħala “żvilupp esaġerat” fuq biċċa art fiċ-ċentru tar-raħal.
L-iżvilupp huwa propost li jsir fuq biċċa art li tikkonfina ma’ Triq it-Tabib Nikol Zammit, Triq l-Imdina u Triq Dun Manwel Zammit.
Fi Stqarrija, il-Kunsill Lokali qal li għamel diversi appelli lill-awtoritajiet biex jilqgħu l-istedina għal proċess ta’ djalogu mal-komunità tas-Siġġiewi fuq l-użu ta’ din l-art, fejn bdiet ukoll petizzjoni biex minflok l-iżvilupp propost, fuq l-istess art isir proġett sostenibbli, fosthom spazju pubbliku għar-rikreazzjoni tal-familji Siġġiwin.
Fost affarijiet oħra, dan l-iżvilupp se jinkludi aktar minn 80 appartament, residenzi għall-anzjani, childcare centre u ċentru ta’ matul il-jum għal persuni b’diżabilità. L-Awtorità għall-Ippjanar approvat dan il-proġett.
Il-Kunsill innota wkoll problemi oħra li se jinħolqu minħabba dan il-proġett, fosthom fuq l-ambjent, parkeġġ, traffiku, infrastruttura u ndafa, fost oħrajn.
Fil-11 ta’ Settembru li ġej mistenni jkun hemm deċiżjoni oħra mill-Awtorità tal-Ippjannar li tista’ żżid ir-residenzi u tnaqqas il-parkeġġ.
Min-naħa tagħha, is-Sindku Alessia Psaila Zammit qalet li l-awtoritajiet mhux qed iħarsu lejn dan il-proġett b’mod olistiku imma qed jibqgħu iwebbsu rashom u mhux jagħtu kas l-impatt negatiiv li dan se jkollu fuq żona ċentrali fis-Siġġiewi u fuq r-residenti.
Din il-laqgħa se ssir nhar il-Erbgħa 13 ta’ Settembru 2017, fi 6pm, fi Triq Dun Manwel Zammit.