Żvelati mal-11-il miljun dokument ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama – Konrad Mizzi inkluż

Numru ta' dokumenti ġew żvelati fil-mezzi internazzjonali tax-xandir dwar numru kbir ta' mexxejja ta' pajjiżi u persuni miljunarji li kellhom jew li għad għandhom investimenti fil-Panama bi skop ta' evażjoni ta' taxxa, ħasil ta' flus jew saħansitra traffikar ta' droga.
Madwar 11-il miljun dokument ta' kumpaniji sigrieti ġew żvelati mill-kumpanija Mossack Fonseca. Id-dokumenti juru kif l-imsemmija kumpanija għenet persuni miljunarji u oħrajn b'rabtiet politiċi f'ħasil ta' flus u evażjoni ta' taxxa.
Fost il-persuni msemmija, hemm il-Ministru tal-Enerġija, Konrad Mizzi.
Is-sorsi jiżvelaw ukoll li persuni qrib ħafna tal-President Russu Vladimir Putin, iċċirkolaw madwar żewġ biljun dollaru bejn il-banek u f'kumpaniji sigrieti.
Il-kumpanija Mossack Fonseca ddefendiet il-pożizzjoni tagħha billi saħqet li f' 40 sena hija qatt ma ġiet akkużata b'qerq jew malizzja.
Is-sorsi jiżvelaw kumpaniji sigrieti b'rabta mill-qrib mal-eks-President Eġizzjan Hosni Mubarak, mal-eks-mexxej Libjan, il-Kurunell Muammar Gaddafi u mal-President attwali tas-Sirja, Bashar al-Assad. 
Dwar il-Ministru Konrad Mizzi, id-dokumenti juru li huwa kien fetaħ trust fil-Panama f'Ġunju tal-2015 u li l-benefiċċjarji huma l-mara u ż-żewġt'itfal tiegħu. Id-dokumenti jiżvelaw ukoll kif f'Lulju tal-2013, erba' xhur wara li Konrad Mizzi ġie elett Ministru fil-Kabinett Malti, kumpanija ta' awditjar Maltija, xtrat diversi kumpaniji fil-Panama mingħand il-kumpanija Mossack Fonseca.
Fost dawn il-kumpaniji, hemm Hearnville Inc. li fiha l-Ministru Mizzi jirriżulta li għandu xi isħma.