Żvelati d-dettalji tal-ogħla binja ppjanata għal Malta

dezeen.com

Il-kumpanija ta’ periti internazzjonali, Zaha Hadid Architects, żvelat dettalji u stampi fis-sit dezeen.com dwar proġett ikkummissjonat lilha skont il-masterplan propost għal Paceville. Aktarx dan se jkun l-ogħla binja f’Malta, torri ta’ għoli ta’ 112-il metru u 24,500 metru kwadru ppjanat li jinbena f’Paceville. Zaha Hadid Architects huma kumpanija rinomata ta’ periti, fuq il-livell ta’ Renzo Piano.

Skont is-sit, it-torri se jissemma’ Mercury Tower, se jkun fih 31 sular u se jkun 14.5 metru ogħla mit-torri ta’ Portomaso li bħalissa huwa l-ogħla bini f’Malta. Mercury Tower kien diżinjat minn Zaha Hadid u Patrik Schumacher li mexxa l-kumpanija mill-mewt ta’ Zaha Hadid fl-2016.

L-ewwel disa’ sulari tal-bini se jkunu għal skopijiet residenzjali filwaqt li 19-il sular ta’ fuq se jintużaw għal lukanda.

Zaha Hadid Architects spjegaw li d-disinn tal-binja, li tinbaram u tinqasam fi tnejn  jirrifletti l-fatt li din se tkun tintuża kemm għal residenzi kif ukoll għal lukanda u jippermetti veduti tal-baħar aħjar. It-tliet sulari li jifirdu ż-żewġ naħat se jinkludu pixxina esterna bil-veduti tal-baħar.

Is-sit spjega li l-bini attwali ta’ Mercury House se jkun il-bażi tat-torri u se jservi bħala d-daħla kemm għar-residenzi kif ukoll għal-lukanda filwaqt li mal-ġenb tat-torri se jinbena bini ieħor ta’ erba’ sulari li se jservi bħala ċentru kummerċjali.

Zaha Hadid Architects spjegaw li din il-binja se ttaffi l-problema ta’ nuqqas ta’ appartamenti f’Malta.

dezeen.com
dezeen.com
dezeen.com
dezeen.com