Żvelati d-dettalji ‘mgħottija’ tal-ftehim mal-VGH, il-Gvern iwieġeb

Il-Gvern intrabat li jixtri 712-il sodda kuljum mingħand il-konsorzju Vitals Global Healthcare, biex jipprovdilu sodod fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-isptarijiet Karin Grech u San Luqa, waqt li jħallas għalihom €188,000 kuljum, anke jekk ma jkunx hemm bżonnhom.
Dan ġie żvelat mill-gazzetta The Sunday Times of Malta u ġab ir-reazzjoni u spjega tal-Ministeru għas-Saħħa.
Il-gazzetta, li qalet li kisbet il-ftehim kontroversjali sħiħ, li l-Gvern għamel ma’ VGH, spjegat li l-Gvern se jħallas €70 miljun fis-sena lill-konsorzju biex jipprovdilu sodod.
Tiżvela wkoll li l-Gvern jista’ jikri aktar sodod iżda l-prezz jiżdied sostanzjalment.
Skont ir-rapport, il-Gvern intrabat li jikri 125 sodda għall-kura akuta fl- Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-prezz ta’ €600 kull sodda kuljum. Apparti minn hekk, il-Gvern se jkun qed jixtri 175 sodda għall-kura ġerjatrika għall-prezz ta’ €180 kuljum.
Fl-isptar Karin Grech, il-Gvern intrabat li jikri 320 sodda kuljum għall-prezz ta’ €180 kull waħda u jħallas €300 għal 80 sodda kuljum għar-rijabilitazzjoni f’San Luqa.
Il-gazzetta tgħid ukoll li fil-ftehim Vitals Global Healthcare qablet li tinvesti €220 miljun f’faċilitajiet iżda tħallas is-somma ta’ €2 biljun fuq medda ta’ 30 sena.
Il-Gvern kien ippubblika l-kuntratti, iżda minnhom kien għatta numru kbir ta’ paġni minħabba “klawżoli ta’ sensittività kummerċjali.”
“Il-Gvern se jibqa’ jħallas l-istess” – Ministeru tas-Saħħa
 Iżda b’risposta, il-Ministeru għas-Saħħa qal li l-prezz ta’ sodda fl-isptarijiet jikkumpara fuq l-istess livell li l-Gvern kien iħallas qabel għall-istess servizz, u dan meta wieħed jikkunsidra li l-Gvern mhux se jkun qed iħallas iżjed għat-titjib fl-infrastruttura u fl-apparat mediku li mistenni jirriżulta minn dan il-ftehim.
Il-Ministeru spjega li meta jiġi kkalkulat prezz ta’ sodda, jiddaħħlu fiha s-servizzi kollha li jingħata l-pazjent, jiġifieri mhux biss kemm tiswa s-sodda u l-ikel għall-pazjent rikoverat, iżda wkoll kwalunkwe test neċessarju, operazzjonijiet, u mediċini. L-ammont ta’ kull sodda jinkludi wkoll il-pagi tal-ħaddiema.
Ikompli jispjega li l-pagi tal-ħaddiema jitħallsu mill-Gvern iżda l-ammont jerġa’ jingħata lura minn VGH, u tfakkar li dan ġie maqbul fil-ftehim mal-unjins konċernati li jagħtu garanzija li s-servizz tas-saħħa se jibqa’ b’xejn u li l-ħaddiema tal-isptarijiet se jibqgħu mal-Gvern.
Il-Ministeru jtemm billi jinsisti li l-kuntratti tal-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet mhumiex moħbija, imma jinsabu għand l-Awditur Ġenerali għall-iskrutinju tiegħu. Ifakkar li kien il-Gvern stess li talab lill-Awditur jara l-kuntratti u mhux l-Oppożizzjoni.