Żvelati aktar sigrieti ta’ fejn jemigra l-Kanġu ta’ Filfla

Kien irrekordjat għall-ewwel darba ċaqliq ta’ Kanġu ta’ Filfla b’ċurkett Malti lejn il-Baħar Eġew minn BirdLife tal-Greċja. L-għasfur li twaħħallu ċ-ċurkett minn BirdLife Malta fl-2008 fuq Filfla tfaċċa fil-Gżejjer Griegi. Dan ifisser li l-għasfur għandu 11-il sena. Fl-istess ġimgħa ringers ta’ BirdLife Malta fuq Filfla qabdu Kanġu li kien twaħħallu ċurkett fl-istess post lura fl-1991. Dan ifisser li l-għasfur irnexxielu jgħix 29 sena. Iżda lura fl-2013 kien inqabad ieħor li twaħħallu ċurkett fl-1981, u għalhekk kellu aktar minn 32 sena.

Rekords ta’ għasafar osservati biċ-ċrieket juru ċaqliq ta’ dan l-għasfur bejn Filfla
u kolonja fuq il-gżira żgħira ta’ Marettimo fi Sqallija. Fi studju riċenti li sar bħala parti mill-proġetti LIFE+ Malta Seabird Project u LIFE Arċipelagu Garnija ta’ BirdLife Malta bl-użu ta’ tagħmir teknoloġiku, żvela kif uħud mill-għasafar li jbejtu fuq Filfla jpassu lejn il-kosta ta’ Spanja u anke jaslu sal-Atlantiku tul ix-xitwa.

Il-Kanġu ta’ Filfla (Mediterranean Storm-petrel) huwa l-iżgħar għasfur tal-baħar li jbejjet fil-Mediterran, u mhux wisq ikbar minn għasfur tal-bejt. Fuq Filfla, insibu l-akbar kolonja ta’ din l-ispeċi fil-Mediterran b’madwar 8,000 par. BirdLife Malta spjegat li ilha għaddejja bi studji dwar il-popolazzjoni ta’ dan l-għasfur tal-baħar fuq Filfla sa minn tmiem is-snin sittin, u dan isir permezz ta’ ċrieket li jkollhom numru uniku.