Żvelata n-nefqa mis-sussidju tal-Gvern għall-programmi fuq TVM

Reporter huwa l-aktar programm ta’ diskussjoni li fuqu l-PBS tonfoq l-aktar mis-sussidju tal-Gvern għall-programmi. Fil-kategorija tad-drama l-aktar li tibbenefika hija s-sensiela Ħbieb u Għedewwa.  Mill-programmi ta’ informazzjoni ġenerali l-aktar li jintefqu fuqu huwa TVPM.
Din l-informazzjoni dwar kif intuża s-sussidju li l-Gvern ta lill-PBS għall-programmi bejn Ottubru 2014 u Settembru 2015, tirriżulta minn taghrif moghti mill-PBS lil Newsbook.com.mt.
Kull sena l-Gvern jagħti lill-PBS somma ta’ flus biex jintużaw għall-programmi ta’ servizz pubbliku. Fost dawn insibu d-drama bil-Malti, programmi tat-tfal, programmi ta’ diskussjoni, dokumentarji, programmi reliġjużi u dawk ta’ tagħrif ġenerali.
Għal Ħbieb u Għedewwa li għandu produzzjoni ta’ Rewind Productions, il-kontribuzzjoni kienet ta’ kważi kwart ta’ miljun ewro; għal TVPM li jittella’ minn Dee Media s-sussidju kważi laħaq in-nofs miljun; għal Reporter ta’ Media Today inħarġu €168,000 filwaqt li għal Timestalk ta’ Allied Newspapers Ltd tħallsu €103,590.
Din il-kontribuzzjoni tinkludi ħlasijiet li jingħataw il-producers tal-programmi kif ukoll l-ispejjeż indiretti, bħal overheads, li tagħmel il-PBS biex ixxandar il-programm.
Meta ma jingħatax ħlas lill-producers, allura l-PBS tiġbor mingħand il-Gvern l-overheads tagħha. Pereżempju l-producers ta’ Xarabank iħallsu lill-PBS biex jixxandar il-programm. Iżda mbagħad għall-ispejjeż indiretti li jkollha, il-PBS tieħu kważi €157,000 mis-sussidju tal-Gvern; jiġifieri l-flus teħodhom il-PBS u mhux WE Media.
B’kollox, bejn Ottubru 2014 u Settembru 2015 il-Gvern ta mal-€3.5 miljun f’sussidju għall-programmi ta’ TVM.
Lista sħiħa tal-programmi u l-flus li jintefqu fuqhom mis-sussidju tal-Gvern tista’ taraha hawn taħt.