Żvelata l-kumpanija li tqabbdet tgħin lil Pilatus Bank jevita kriżi

Jgħidu li l-affarijiet marru aħjar lejn l-aħħar tal-2017

Pilatus Bank kien qabbad lill-kumpanija tal-marketing 9th Wonder biex jevita l-kriżi li spiċċa fiha.

Il-kumpanija Amerikana 9th Wonder żvelat it-tattiċi li kienet qed tuża biex tgħin lil dan il-bank li kien involut fi skandlu wara l-ieħor.

Nifs fl-aħħar tal-2017

Fuq is-sit tagħha 9th Wonder qalet li għenet lill-Pilatus Bank biex l-midja tirrapporta dwaru “b’mod bilanċjat” u biex il-bank iżomm relazzjonijiet “pożittivi” man-nies. Waħda mit-tattiċi li riedet timplimenta l-kumpanija 9th Wonder kienet li twaqqaf “l-aħbarijiet negattivi.” Skont il-kumpanija, fl-aħħar tal-2017 il-bank ħarab mill-iskrutinju tal-midja. Dak li ma semmietx 9th Wonder huwa li f’Ottubru tal-2017 ġiet assassinata l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li kienet ilha x-xhur tikteb dwar il-bank. L-assissinju għadu qed jiġi investigat. Hemm erba’ persuni li tressqu l-qorti akkużati bl-involviment tagħhom fih.

Bidnija
Arkivji

L-istrateġija ta’ 9th Wonder

9th Wonder qalet li ħejjiet strateġija biex il-bank jidher li qed ikun trasparenti dwar l-operat tiegħu. Dak li reġgħet ma semmietx l-aġenijza kien li sid Pilatus Bank fetaħ kawża fl-Istati Uniti kontra Daphne Caruana Galizia minħabba dak li kienet kitbet.

L-aġenzija tal-aħbarijiet The Shift qalet li Ali Sadr Hasheminejad kien jhedded lill-midja indipendenti biex tbiddel jew tħassar ċertu rapporti. “Il-midja indipendenti kollha li kienet qed tirrapporta dwar Pilatus Bank, ħlief għal Daphne Caruana Galizia b’Running Commentary u The Shift, biddlu jew ħassru l-artikli tagħhom, u b’hekk biddlu r-rekord pubbliku,” qalet The Shift.

9th Wonder żvelat li implimentat programm “proattiv” ta’ relazzjonijiet mal-midja għall-bank. Qalet ukoll li tat taħriġ lill-amministraturi tal-bank. Kienet ukoll tgħasses fuq l-aħbarijiet li kienu qed joħorġu dwar il-bank madwar id-dinja.

L-aġenzija tal-marketing qalet li minħabba x-xogħol tagħha l-bank ra bidla fir-rappurtaġġ li kien qed joħroġ dwaru. Allegat li l-bank żied il-fiduċja tiegħu.

9th Wonder

Jgħidu li Pilatus ipparteċipa b’mod “volontarju” f’inkjesta

9th Wonder allegat li l-bank ipparteċipa “b’mod volontarju” f’inkjesta maġisterjali biex jipprovdi rapporti interni dwaru. Il-kumpanija tal-marketing qalet li l-bank kien limitat dwar x’jista’ jgħid fil-pubbliku.

“Dan wassal lill-bank biex jirċievi skrutinju enormi mill-midja, irċieva akkużi mhux sostanzjati, u kellu kriżi ta’ kredibilità fis-settur bankarju globali,” qalet 9th Wonder.

Il-kumpanija tal-Marketing iddeskriviet qalet li l-allegazzjonijiet serji li kien qed jaffaċċja l-bank bħala “opportunità moħbija” (“hidden opportunity”).

L-aġenzija tal-marketing qalet li l-bank kellu jinfluwenza lin-nies b’mod pożittiv fid-dawl tal-kritika li kien qed jaqla’.

Iċ-Chief Operating Officer ta’ Pilatus Bank Luis Rivera ġie kkwotat minn 9th Wonder jgħid li x-xogħol li għamlet din l-aġenzija kien utli ħafna għall-bank. Qal li grazzi għal 9th wonder il-ħaddiema ta’ Pilatus tħejjew biex ikunu “effettivi” meta jiġu biex jikkomunikaw mal-midja.

Bank magħluq u sidu fil-qorti Amerikana

Pilatus Bank ingħalaq mill-awtoritajiet Ewropej f’Novembru tal-2018. Ftit jiem qabel skattat inkjesta maġisterjali dwar allegati reati kriminali li twettqu mill-ħaddiema tal-bank jiem qabel ma tilef il-liċenzja tiegħu. F’Marzu tal-2020 is-sid tal-Pilatus Bank Ali Sadr Hashemi Nejad instab ħati ta’ frodi fl-Amerka. Is-sentenza kontrih għadha ma nqatgħetx.