Ġie żvelat il-kontenut tal-ittra li allegatament kellha tgħin lin-negozjant Yorgen Fenech iwaħħal fi Chris Cardona, biex Cardona, dakinhar Ministru, jinstab ħati li ordna l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Is-sit Lovin Malta qaleb l-ittra mill-Malti għall-Ingliż. Is-sit ma ppubblikax ritratt tal-ittra imma qal li għamel traskrizzjoni tagħha kelma b’kelma. Il-kliem li kien ingassat mill-ittra nkiteb fl-artiklu wkoll.
Minn fejn ġiet din l-ittra?
Allegatament Keith Schembri ta din l-ittra lit-tabib Adrian Vella biex it-tabib jgħaddiha lil Yorgen Fenech.
Vella spjega kif ġiet għandu l-ittra lill-Pulizija imma Keith Schembri insista fil-Qorti li ma kienx ta din l-ittra lil Vella.
Skont il-Lovin Malta, l-ittra nkitbet ‘bil-leħen ta’ Fenech’ biex allegatament ikun jista’ jwaħħal fi Chris Cardona bl-assassinju.
Il-kontenut tal-ittra ġie ppubblikat jum wara li tħabbar li Chris Cardona ma kienx se jkollu pożizzjoni fil-Kabinett ta’ Robert Abela.
Chris Cardona ma kkummentax meta ġie mistoqsi dwarha mit-Times of Malta llum. Newsbook.com.mt ipprova jikkuntattja lil Cardona kemm-il darba matul il-ġurnata.
Min hu min?
- Yorgen Fenech: Negozjant li jinsab akkużat li kien kompliċi fl-assassinju.
- Keith Schembri: Kien iċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat
- Adrian Vella: It-tabib ta’ Yorgen Fenech u Keith Schembri
- Chris Cardona: Kien il-Ministru għall-Ekonomija taħt Muscat. Issa spiċċa barra l-kabinett
- Melvin Theuma: Is-sensar fl-assassinju
- Alfred Degiorgio: Wieħed mit-tliet irġiel akkużati li skattaw il-bomba
- David Gatt: Avukat fil-qasam kriminali
X’allegat l-ittra?
Skont l-ittra, Yorgen Fenech kellu jgħid li:
Chris Cardona għamel pressjoni fuq Alfred Degiorgio biex jeħles minn Daphne Caruana Galizia. Dan minħabba l-każ tal-libell li Cardona fetaħ kontra Caruana Galizia dwar il-burdell Acapulco.
Cardona kien jaf li kien se jinkixef li gideb. Qal li kien ċert li Caruana Galizia ma kinetx se tkun tista’ tixhed.
L-avukat David Gatt kien jikkoordina kollox fit-tinda tal-patata fil-Marsa.
(Gatt qal lit-Times of Malta li ma kellux x’jaqsam mal-assassinju)
Chris Cardona l-ewwel wiegħed €300,000 imma mbagħad Alfred Degiorgio ried liċenzja mal-Freeport. Dan biex ikun jista’ jdaħħal sigaretti u xorb tal-kuntrabandu. Cardona aċċetta u seħħ il-qtil.
Wara li nqatlet, Alfred Degiorgio ried jiltaqa’ ma’ Cardona imma l-Ministru ma tfaċċax. Wara xi jiem, inqabdu.
Issa se ngħid x’naf dwar Melvin.
Darba kont qed niekol u Melvin ġie jkellemni dwar Daphne Caruana Galizia. Staqsieni x’kienet qed tgħamilli. Jien għidtlu li qażżet lil kulħadd.
Darb’oħra konna qed nieħdu kafe u qalli li ħa ħsieb lil Daphne. Jien għidtlu li jien ma nagħmilx dawn l-affarijiet.
Ftit jiem wara Melvin qalli li diġà ħallast €30,000. Għedtlu biex iwaqqaf kollox.
Wara ġimgħa qalli li ma jridux jieqfu u biex intih €100,000. Għidtlu li tajtu €50,000 biex ma jitlifx flus hu imma li ma kontx ħa nħallas ewro ieħor għax ma kelli xejn x’naqsam.
Wara l-assassinju Melvin qalli nġiblu €120,000 għax kien hemm xi nies li riedu jitħallsu.
Għidtlu żgur li le.
Ġimgħa wara ġie d-dar tiegħi bi tnejn min-nies miegħu.
Qalli ntih €120,000 inkella kont nispiċċa bħal Caruana Galizia.
Bżajt u tajtu €150,000.
Xahar wara smajt li nqabdu u ħadt ir-ruħ.
Ftit jiem wara Melvin akkużani li kxifthom. Għidtlu li ma nistax nikxef nies li ma nafx min huma.
Ġimgħa wara reġa’ sabni u ġie ma xi ħadd ieħor li kien armat. Qalli nsuq warajhom u ħaduni Ħaż-Żebbuġ fejn inżomm iż-żwiemel.
Hemm qalli li jrid jirrekordjani biex ikollu garanzija. Qbilt sakemm wara jħallini waħdi. Bdejna niltaqgħu hemm bejn darbtejn u tliet darbiet f’ġimgħa. Kien jixgħel rekorder u jtini karta biex naqra minnha.
Darba riedni ninvolvi lill-familja imma ma ridtx u ħadthom btala. Meta ġejt lura saru aktar rekordings. Beda jiġi għandi biex intih il-flus. Naħseb li tajtu mal-€450,000.
Beda jirrikattani u ried iħaddem taxi oħra mil-lukanda. Aċċettajt. Irrikattawni wkoll biex ma nappellax direct order b’rabta ma’ kasino li telfitni l-miljuni.
Kelli mmur għal diversi vaganzi għax baqa’ jiġi għandi għall-flus. Spiċċajt bi problemi bid-droga.
Darba reġa’ ġie għandi għall-flus u għidtlu li kien se jkolli ngħid lill-pulizija. Imbagħad ġara li ġara.
Qatt ma kont nibża’ mill-ġustizzja. Kont nibża’ għal familti, għan-negozju, u għal ħajti.
F’Diċembru li għadda Chris Cardona qal li m’għandux kummenti x’jgħaddi dwar l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk hux komdu b’Keith Schembri meħlus mill-arrest, huwa qal li mhux komdu jew skomdu bin-nies ġewwa jew barra. Cardona qal li hu mhuwiex il-Pulizija iżda ministru bir-responsabilitajiet tiegħu.
F’Diċembru wkoll kelliem għall-Kunsill Mediku kien qal lil Newsbook.com.mt li t-tabib Adrian Vella ġie diskuss fl-ewwel laqgħa tal-kunsill wara li beda jissemma Vella fil-midja. Lejn l-aħħar ta’ Novembru Vella ammetta li għadda messaġġi sigrieti lil Yorgen Fenech mingħand l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Il-Kunsill Mediku ta’ Malta kellu jitlob informazzjoni dwar it-tabib ta’ Keith Schembri u Yorgen Fenech mill-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei qal lil Newsbook.com.mt li t-tabib Vella ma jaħdimx fl-isptar Mater Dei.