Żvelat kif se jintuża s-36,000 tunnellata ta’ skart organiku

Il-Wasteserv, flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, niedu servizz ġdid ta’ separazzjoni ta’ skart organiku, jisimu Sort it Out.

Se jitqassmu kontenituri tal-iskart organiku, li huwa l-iskart li jintrema fil-borża s-sewda, sabiex jiġi separat b’mod nadif. Pereżempju, l-ikel jiġi separat minn affarijiet bħall-batteriji. Dan biex il-fdalijiet ta’ meta jiġi trattat jkun jista’ jintuża bħala għata tal-miżbliet jew bħala materjal li jtejjeb il-ħamrija.

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera spjega li se jitqassmu daqs 150,000 kontenitur madwar Malta u Għawdex. Dan l-iskart organiku se jibda jinġabar tliet darbiet fil-ġimgħa, mill-31 t’Ottubru.

Kif spjega kelliem għall-Wasteserv, il-kumpanija titratta l-iskart tal-boroż is-suwed biex jintużaw il-gassijiet li joħorgu minnu (fosthom metanu) biex isir l-enerġija minnhom. Però, il-materjal iswed li jifdal wara l–proċess, li jkun qisu kompost fid-dehra tiegħu, huwa perikoluż. Għalhekk, minflok jintuża bħala għata tal-miżbliet jew bħala materjal li jtejjeb il-ħamrija, jintefa fil-miżbla.

Kull sena jiġi mormi daqs 36,000 tunnellata ta’ dan il-materjal fil-miżbla. Jekk l-iskart jiġi separat b’mod nadif, flok l-organiku bħall-ikel jiġi mħallat ma’ affarijiet bħal batteriji, il-fdalijiet ta’ wara l-proċess tat-trattament ikun jista’ jintuża.