Aġġornata: Żvelat attakk terroristiku ieħor … żewġ persuni arrestati fil-Kanada

11:30: Il-pulizija Kanadiża qed tgħid li f’dawn il-pjani terroristiċi hemm imdaħħal l-Iran.  Min-naħa tiegħu l-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin ċaħad dawn l-akkużi u qal li mhemmx dokumenti li jippruvaw l-involviment tal-Iran.             

Il-Ministru Iranjan qal li l-ideoloġiji politiċi u teoloġiċi tal-gruppi estremisti, l-iktar tal-Al Qaeda, ma jaqblu xejn ma’ dawk tal-Iran.

Aktar qabel:

Il-pulizija Kanadiża b’ħidma mas-sigurtà tal-Istati Uniti, arrestat żewġ suspettati  terroristiċi, wieħed f’Montreal u l-ieħor f’Toronto. 

Jidher li fil-mira tal-attakki tagħhom kien hemm il-ferroviji li jgħaqdu lil Toronto ma’ New York. 

Skont il-pulizija, dan il-pjan terroristiku kien qed jiġi appoġġjat minn membri tal-Al Qaeda imma jidher li m’għandu xejn x’jaqsam maż-żewġ splużjonijiet tal-ġimgħa l-oħra waqt il-maratona ta’ Boston.

Intant ilbieraħ, f’Massachusetts sar il-funeral ta’ Krystle Campbell, it-tfajla ta’ 29 sena li kienet waħda mit-tliet vittmi tal-attakki f’Boston.

Fil-ħin li saru l-isplużjonijiet, Krystle kienet qiegħda ħdejn il-linja tat-tmiem tal-maratona flimkien ma’ ħabiba tagħha jistennew lil seħibhom jispiċċa l-maratona.

Skont l-aħħar rapport mediku jirriżulta li qed taqleb għall-aħjar saħħet Dzhokhar Tsarnev il-ġuvni Ċeċen ta’ 19-il sena akkużat li flimkien ma’ ħuh wettaq l-isplużjonijiet f’Boston.  Minħabba l-aġir tiegħu, jista’ saħansitra jingħata l-piena tal-mewt.