Żvediż akkużat li seraq tablet u basket minn lukanda f’San Ġiljan

Żvediż ta’ 28 sena tressaq quddiem il-Qorti mixli li meta kien qed joqgħod f’lukanda f’San Ġiljan, seraq tablet u basket.
Il-valur tal-oġġetti misruqa kienu jammontaw għal aktar minn €950.
L-Iżvediż kien mixli wkoll li żamm għandu oġġetti misruqa u li sar reċediv iżda fil-Qorti stqarr li ma kienx ħati tal-akkużi mressqa kontrih.
Fil-Qorti ntqal li l-akkużat kien ilu jgħix f’Malta għal dawn l-aħħar disa’ xhur u kien qed joqgħod f’appartament f’Tas-Sliema sakemm f’dawn l-aħħar ġranet kien residenti fil-lukanda.
Il-Qorti ma laqatx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-akkużat m’għandux indirizz permanenti u kien tilef il-kartà tal-identità u l-passaport.