Zuckerberg jirrifjuta li jiltaqa’ mal-MPs tar-Renju Unit dwar Cambridge Analytica

Id-deċiżjoni tal-Kap ta’ Facebook Mark Zuckerberg li ma jidhirx quddiem il-membri tal-parlament tar-Renju Unit ġiet deskritta bħala “xokkanti” miċ-ċerpersin tal-kumitat li stiednu biex jattendi.
Il-kap tal-inkjesta parlamentari dwar l-aħbarijiet foloz, Damian Collins talab lil Zuckerberg biex jerġa’ jikkonsidra d-deċiżjoni tiegħu.
Il-kumpaniji Facebook u l-kumpanija tad-data Cambridge Analytica jinsabu fiċ-ċentru ta’ kwistjoni dwar id-data personali tan-nies.
Zuckerberg kien skuża ruħu dwar il-ksur tal-fiduċja, madanakollu qal li mhux se jattendi għall-inkjesta. Hu kompla jgħid li minnflok se jibgħat wieħed mill-eżekuttiv ta’ Facebook, Chris Cox li se jippreżenta l-evidenza lill-Membri tal-Parlament il-ġimgħa ta’ wara l-Għid.
Collins qal li abbażi tal-evidenza straordinarja li għandhom quddiemhom ma jistax jemmen kif Zuckerberg ma deherx quddiemhom hu stess.
Ritratt: Reuters