Zucchero f’kunċert ma’ Joseph Calleja

Ritratt: Michele Agius

Read in English.

NnG Promotions ħabbru b’mod uffiċjali l-kunċert annwali ta’ Joseph Calleja li se jsir fuq il-Fosos tal-Furjana nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Settembru.

Għal darb’oħra  Calleja se jkun qed jingħaqad ma’ Zucchero, meqjus fl-Italja bħala l-“missier tal-mużika blues” u li warajh għandu numru kbir ta’ suċċessi bħal Diamante, Il Volo, Baila morena, u d-dwett popolari Senza una donna.

Il-kantant Zucchero biegħ aktar minn 60 miljun diska minn madwar u rebaħ għadd ta’ kompetizzjonijiet u unuri, fosthom erba’ edizzjonijiet tal-Festivalbar, disa’ edizzjonijiet tal-Wind Music Awards, żewġ World Music Awards, sitt IFPI Europe Platinum Awards kif ukoll kellu nominazzjoni għall-Grammy Award.

Zucchero huwa magħruf ukoll għall-kollaborazzjonijiet ma’ bosta artisti oħra bħal Eric Clapton, Jeff Beck, Stevie Ray Vaughan, Brian May, Miles Davis, Ray Charles, B. B. King, Sting, Bono, Dolores O’Riordan, Paul Young, Peter Gabriel, Luciano Pavarotti, u Andrea Bocelli.

Ritratt: Michele Agius

Għall-wirja tiegħu f’Malta, Zucchero se jkun qed jinterpreta kanzunetti mill-album li ħareġ f’Novembru u li nterpreta għall-ewwel darba f’wirjiet live matul ix-xahar li għadda.

Flimkien mal-vuċi ta’ Joseph Calleja u mużika tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, l-4 ta’ Settembru se jkun ċelebrazzjoni oħra li ma tinsiex il-mużika taħt l-istilel.

NnG Promotions tkompli tqiegħed bħala prijorità is-sigurtà ta’ dawk kollha li se jattendu. L-avveniment se jżomm mal-linji gwida u l-proċeduri kollha tas-Saħħa Pubblika li jimmonitorja l-iżviluppi b’mod kostanti u jieħdu l-azzjoni kollha kif meħtieġ. F’dan, dawk li jmorru għall-kunċerti huma infurmati li jekk xi linji gwida ġodda ta’ distanza soċjali jaffettwaw dan l-avveniment, il-mod kif jitpoġġew is-siġġijiet huwa soġġett li jsegwi linji gwida, iżda ma jaffettwax l-ordni ta’ bilqiegħda.

Il-pubbliku se jkun jista’ jixtri l-biljetti tiegħu mit-Tnejn 20 ta’ Lulju, esklussivament minn showshappening.com. Membri tal-NnG Promotions mailing list se jkunu jistgħu jakkwistaw il-biljetti minn qabel, mill-Ġimgħa 17 ta’ Lulju fl-10am.