Żonqor: il-PL u l-PN jgħajru lil xulxin b“serq” u “dwejjaq”

Il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista reġgħu rħewlha għal botta u risposta dwar l-Università Amerikana ta’ Malta (AUM) fiż-Żonqor, l-aktar wara l-mozzjoni li l-PN ressaq nhar it-Tlieta li għadda.
Dakinhar il-PN f’isem l-Oppożizzjoni talab biex issir diskussjoni fl-iqsar żmien possibbli mal-Gvern dwar l-art taż-Żonqor li fuqha hemm ippjanat biex tinbena l-università, biex din terġa’, fi kliemu, “tmur għand il-poplu”.
Dan wara rapporti fil-midja li kienu tnaqqsu l-għalliema, kif ukoll li kien hemm biss 15-il student f’din l-Università, li suppost kellha tattira 4,000 student fi tliet snin.
Il-Gvern, permezz ta’ stqarrija mill-Ministru Josè Herrera wieġeb li l-proġett hu bżonnjuż, u l-art fiż-Żonqor tibda tintuża ladarba jimtela l-kampus ta’ Bormla, li fih 15-il student.
Illum l-ewwel tkellem il-PN, li qal li t-tkeċċija ta’ aktar għalliema mill-AUM turi li l-qerda ta’ art verġni fiż-Żonqor hi biss kapriċċ tal-Gvern.
“Università bi 15-il student żgur m’għandhiex bżonn 1,800 metru kwadru t’art ODZ, sakemm il-Gvern mhux se jippermetti li dan isir proġett spekulattiv”, sostna l-PN.
Hu tal-fehma li Sadeen Education Investment Limited, li lilu ngħatat l-art fiż-Żonqor, mhux jonora l-ftehim li ffirma mal-Gvern, u għalhekk tal-aħħar se jisraq spazju ambjentali lill-poplu tan-Nofsinhar.
Min-naħa tiegħu l-PL wieġeb billi tenna li l-Gvern dejjem kien ċar li ż-Żonqor se jintuża biss mill-AUM għal skop edukattiv u meta jkun hemm il-ħtieġa.
Il-PL saħaq li l-istqarrijiet kontinwi tal-PN f'mument fejn il-proġett għadu fil-bidu tiegħu juru biss li, skontu, “fl-istamperija għad hemm l-istess dwejjaq u negattività li l-PN kien maħkum minnhom fi żmien Simon Busuttil”.
“Filwaqt li l-Gvern jagħti garanzija li ż-Żonqor jintuża biss għal skop edukattiv u skont il-kuntratt, ikun aħjar li Adrian Delia jibda jġib il-bidla li wiegħed fil-PN”, itemm jgħid il-PL.