“Żommu ‘l bogħod minn Malta korrotta” – appell lill-politiċi Żvediżi

Read in English.

Il-ġurnal Żvediż Aftonbladet appella lill-Prim Ministru Żvediż sabiex jiddistakka ruħu mill-Partit Laburista Malti u mill-Prim Ministru Joseph Muscat. L-artiklu jismu “Löfven, tipproteġix lill-qattiela tal-ġurnalisti,” u għandu s-sottotitlu “Dawk li jiddibattu: Poġġu l-interessi politiċi tagħkom mal-ġenb u żommu ‘l bogħod minn Malta korrotta”

L-artiklu jgħid li wara l-vot fil-Parlament Ewropew, meta 581 Membru Parlamentari Ewropew ivvota favur li Joseph Muscat jirriżenja malajr kemm jista’ jkun, il-Prim Ministru Soċjalist Żvediż issa għandu jsib il-kuraġġ jikkritika lil Muscat, li ġej mix-xellug, bħalu. Fl-artiklu jingħad li jeħtieġ li l-Iżvezja tikkundanna dak li ġara f’Malta, billi l-Prim Ministru jikkritika l-Gvern Laburista u t-trattament tas-Saltna tad-Dritt.

Fl-artiklu hemm miktub ukoll li huwa ovvju li ħafna minn dawk li huma qrib Muscat, u probabbli hu wkoll, għandhom rabtiet diretti mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. “Terribbli li xi ħaġa bħal din tiġri fi stat membru tal-2019, iżda bil-wisq agħar kif rabtiet politiċi mal-qtil inkinsu taħt it-tapit.”

Aftonbladet qal ukoll li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fejn jiltaqgħu l-istati membri, baqa’ sieket. Qal li l-grupp Soċjalista fil-Parlament Ewropew stinka biex iwaqqaf kulma ġara wara l-assassinju: il-kundanni ta’ dak li ġara u l-investigazzjoni mid-delegazzjoni tal-PE li ġiet Malta. Il-ġurnal qal li anke jekk jirriżenja l-Prim Ministru, hemm suspett ta’ korruzzjoni anke fost il-kollegi tiegħu fil-Partit Laburista.

(Intuża Google Translate għat-traduzzjoni mill-Iżvediż għall-Ingliż)