Żommu d-distanza waqt li qed tistennew tal-linja – MPT

Il-Malta Public Transport qed tappella lin-nies biex iżommu d-distanza minn persuna għall-oħra sakemm ikunu qed jistennew tal-linja.

Fi stqarrija l-MPT qalet li sabiex jitnaqqas ir-riskju li jkompli jinxtered il-coronavirus, wieħed għandu jżomm id-distanza fuq il-bus stops. Żiedu li fuq il-karozza tal-linja ma jistax ikun hemm persuni bilwieqfa kif ukoll qed ikun hemm servizz aktar spiss fil-ħinijiet l-aktar komuni li jkun hemm in-nies jistennew tal-linja.

Il-Malta Public Transport appellat biex il-pubbliku jżomm id-distanza kif ukoll iżomm kalm. Ix-xufiera għandhom ħin allokat biżżejjed biex il-pubbliku jitla’ b’mod sigur. Il-kumpanija rringrazzjat lill-ħaddiema kollha tagħha b’mod speċjali lix-xufiera kollha li qed juru dedikazzjoni kbira f’dawn iż-żminijiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn