Żomm għajnejk miftuħin jekk tkun miexi fil-kampanja

BirdLife Malta qed tappella lill-pubbliku biex jgħin frieħ taċ-Ċief hekk kif jibda l-istaġun li fih iħallu l-bejta biex itiru għall-ewwel darba.
Fi stqarrija BirdLife Malta qalet li fil-jiem li ġejjin, il-frieħ taċ-Ċief se jkunu qed iħallu l-bejta fl-irdumijiet biex itiru għall-ewwel darba u fid-dawl ta’ dan BirdLife Malta qed issejjaħ għall-għajnuna tal-pubbliku biex jirrapporta mill-ewwel jekk jara jew isib frieħ f’diffikultà.
Dawn l-għasafar misterjużi jtiru għall-ewwel darba matul il-lejl f’dan iż-żmien tas- sena, bil-frieħ jingħad li jużaw id-dawl tal-orizzont biex isibu triqithom lil hinn mill-kosta.
Madanakollu t-tniġġis dejjem jiżdied mid-dawl fuq l-art jista’ jwassal biex jiġu diżorjentati u ħafna minnhom jispiċċaw fuq l-art minflok fuq il-baħar.
B’hekk isibu diffikultà fi żmien meta lanqas ikunu għadhom kapaċi joqogħdu fuq saqajhom b’periklu serju għall-għajxien tagħhom u għalhekk ikunu jinħtieġu l-għajnuna.
Fejn ikun possibbli dawn l-għasafar żgħar għandhom jinġabru bil-mod u jitpoġġew f’kaxxa tal-kartun. Imbagħad jitħallew f’post għall-kwiet sakemm jinġabru minn membri tal-istaff ta’ BirdLife Malta ħalli jerġgħu jinħelsu lura fuq il-baħar.
BirdLife Malta tista’ tiġi kkuntattjata fuq fuq 2134 7644 (fil-ħinijiet tal-uffiċċju) jew 7925 5697 (f’każi ta’ emerġenza wara l-ħinijiet tal-uffiċċju).
Din is-sejħa tapplika b’mod partikolari għall-ġranet ta’ bejn l-14 u l- 24 ta’ Ottubru li huma kkunsidrati bħala l-qofol tal-istaġun, għalkemm il-perjodu li fih dawn il-frieħ jistgħu jispiċċaw f’diffikultà jista’ jibqa’ għaddej sal-bidu ta’ Novembru.
Għalkemm persuni li jgħixu qrib lokalitajiet bħal Pembroke, Birżebbuġa, Ħal Far u ċ-Ċirkewwa f’Malta u x-Xlendi u l-Imġarr f’Għawdex aktar hu probabbli li jiltaqgħu ma’ każi bħal dawn speċjalment jekk ikunu qed jimxu qrib il-kosta tard billejl jew kmieni filgħodu, dan jista’ jiġri kważi f’kull lokalità li tinsab mal-kosta ta’ Malta u Għawdex.
Ritratti: BirdLife Malta