“Kien tradiment tal-fiduċja tagħna” – Zammit Marmarà

Read in English.

“Kien tradiment tal-fiduċja tagħna”. Hekk iddeskriva r-rivelazzjonijiet li bħal dan iż-żmien sena heżżew mis-sisien is-sistema demokratika f’Malta l-opinjonista Desmond Zammit Marmarà. Għal Robert Aquilina, li bħala attivist ta’ Repubblika kien qiegħed jorganizza l-protesti, dan “kien żmien straordinarju”.

Dawn il-ħsus kienu mlissna waqt Newsbook Q&A fejn kienu mistiedna dawn iż-żewġ osservaturi u attivisti fil-qasam politiku, biex jiddiskutu kif, issa, sena wara dawk l-avvenimenti mqanqla, jevalwaw dak li ġara u l-konsegwenzi li ħalla.

Kienu ġġustifikati għax minn hemm ‘il quddiem daqshekk smajna ’Fejn huma l-provi?’ għax il-provi kienu waslu

Robert Aquilina

Mument Straordinarju – Robert Aquilina, Repubblika

“Kien mument straordinarju… kont iffukat fuq il-protesti għax kont inqatta’ jiem sħaħ jew għand il-Kummissarju tal-Pulizija biex ninnotifikah b’xi protesta jew inkella l-Belt nipprotesta… mhux soltu li tkun s-soċjetà ċivili li tniżżel in-nies fit-toroq jipprotestaw,” qal Aquilina. Huwa qal li dawn il-manifestazzjonijiet is-soltu jkunu organizzati minn partiti politiċi iżda din id-darba il-protesti kellhom firxa wiesgħa ta’ appoġġ minn diversi NGOs u anke minn media ‘indipendenti’ tant li kien irrappurtat li f’xi protesti kien hemm mal-25,000 ruħ fit-toroq.

Issa kien hemm il-provi

Semma kif kollox beda meta, f’nofs Novembru, dak li kien il-kap tal-uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri kien irrifjuta li jixhed, imbagħad waqqa’ l-libelli kontra Simon Busuttil. Ftit wara kien arrestat Yorgen Fenech u bdew ħerġin ir-rivelazzjonijiet ta’ Melvin Theuma, meqjus bħala s-sensar fl-assassinju. Qal li fit-2 ta’ Diċembru intlaħaq il-qofol meta l-Parlament iddeċieda li jxolji għall-btajjel tal-Milied u ma jerġax jiltaqa’ qabel ma jkun hemm mexxej ġdid tal-gvern.

“Dawk kienu xeni li mdorrijin narawhom fir-Rumanija mhux xi mkien bħal Malta,” qal Aquilina, “u kienu ġġustifikati għax minn hemm ‘il quddiem daqshekk smajna ’Fejn huma l-provi?’ għax il-provi kienu waslu”.

Il-firda fil-pajjiż

Aquilina qal li ma jħossx li l-firda żdiedet minħabba l-protesti u appella lil min hu ta’ twemmin Laburista biex inaddaf dak li hu ħażin fil-partit. Faħħar lill-Pulizija tal-mod bil-galbu kif imxew mal-protestanti. Semma okkażżjoni waqt protesta li matulha l-protestanti għollew il-crash barriers. Kien mument mimli tensjoni, qal Aquilina, imma l-folla ma riditx tattakka lill-Pulizija u reġgħet niżżlet il-barriers. Qal li dan intgħaraf mill-pulizija li, għal ftit sekondi kienu nħasdu u kollox sfuma fix-xejn.

Trolls

Aquilina qal li t-taqsima tal-Hate Speech tal-Pulizija jidher li saret biss ‘to tick the box’ u sostna li la hemm id-dispożizzjoni u lanqas ir-riżorsi biex din it-taqsima verament tagħmel xogħolha. Qal li jinħtieġu wkoll kampanji kontra l-hate speech biex titqajjem kuxjenza kontra dan l-aġir mhux ċivilizzat. Semma li ċerta trolling isir apposta biex jinstiga mewġ ta’ insulti.

Jien kont wieħed minn dawk li fl-2008 kont ivvutajt biex jitla’ Joseph Muscat bħala Mexxej tal-Partit Laburista imma jien inħoss li ċerta affarijiet li saru kienu tradiment ta’ dik il-fiduċja tagħna

Desmond Zammit Marmarà

Kellhom raġun – Desmond Zammit Marmarà, opinjonist

“Forsi dak iż-żmien uħud minna ma kinux qed jaraw l-istampa kollha. Naħseb li Repubblika u Occupy Justice kellhom raġun… l-avvenimenti hekk urew wara għall-anqas.” Din kienet il-fehma tal-opinjonista Desmond Zammit Marmarà. Huwa qal li dak li kien dejqu kien dak li huwa ddeskriva bħala ‘ċerta aggressività żejda, li kienu weħlu l-Laburisti kollha’, estremiżmu li hu qal jittimbra lil kulħadd b’naxta waħda. Huwa qal li meta tħares lura tara li min kien qed jipprotesta kellu raġun dwar ċertu korruzzjoni u nies li dwarhom kien hemm allegazzjonijiet u issa anke provi, kienu għadhom fil-kariga.

Tradiment

“Jien nista’ ngħid li Laburisti hemm ħafna ġenwini u dawn in-nies li kienu qed jagħmlu dawn l-affarijiet ittradixxew il-fiduċja tagħna. Jien kont wieħed minn dawk li fl-2008 kont ivvutajt biex jitla’ Joseph Muscat bħala Mexxej tal-Partit Laburista imma jien inħoss li ċerta affarijiet li saru kienu tradiment ta’ dik il-fiduċja tagħna,” qal Zammit Marmarà.

Kontrol tajjeb mill-PL

Zammit Marmarà qal li l-Partit Laburista jidher li għandu kontroll tajjeb tan-nies tiegħu u qiegħed attent biex ma jirrepetux irwieħhom l-inċidenti tas-snin 70 u 80. “Però f’dan il-pajjiż irridu nidraw li kulħadd għandu d-dritt li jipprotesta… għad fadal ħafna edukazzjoni li trid issir,” qal Zammit Marmarà. Żied iżda, li dawn il-gruppi għad-drittijiet ċivili jridu jagħmlu sforz biex ma jkunux identifikati bħala kontra l-Partit Laburista u jkollhom ukoll esponenti mill-qawsalla politika kollha.

Naħseb li l-każ ta’ Daphne Caruana Galizia jrid jingħalaq għax din hija ġerħa li taffettwa lill-pajjiż kollu, m’hemmx Nazzjonalisti u Laburisti

Desmond Zammit Marmarà

Trolls

Dwar it-trolls li spiss joħonqu l-espressjoni u d-diskussjoni online, Zammit Marmarà kellu kliem ta’ kritika.  Qal li dawn it-trolls ma jikkontribwixxux għal diskussjoni matura fil-pajiż. “Għad baqa’ ħafna xi jsir fejn tidħol maturità u edukazzjoni fil-pajjiż,” qal Zammit Marmarà. Qal li taħt il-Prim Ministru preżenti sar progress iżda fadal xi jsir. Żied li l-libertà tal-espressjoni ma tfissirx li titgħajjar jew tivvinta. Qal li xi kummenti taħt l-artikli onlajn huma kundannabbli għall-aħħar.

U issa, fejn qegħdin?

Filwaqt li kemm Aquilina kif ukoll Zammit Marmarà rrikonoxxew li mill-protesti ħareġ frott siewi, it-tnejn ukoll josservaw li għad fadal ħafna x’isir. Għal Aquilina, dan jgħodd partikolarment għall-istituzzjonijiet li skont hu mhumiex jaħdmu favur il-ġid komuni. Qal li meta jkollok il-back-benchers tal-gvern kollha impjegati taċ-ċivil, dawn ma jistgħux jaqdu l-funzjoni tagħhom. Dan għaliex il-funzjoni tagħhom ta’ skrutinju tkun ikkundizzjonata mill-interessi tagħhom fl-impjieg. Barra minn hekk, qal Aquilina, dawn ma jkunux iridu jikkawżaw mewġ li jista’ b’xi mod jaffettwalhom l-introjtu tagħhom. Huwa qal li l-MPs mhux jieħdu bis-serjetà d-dmir tagħhom biex jilleġiżlaw. Allega li l-NGO tkellmet ma’ diversi deputati li, fil-ħatra tal-Prim Imħallef lanqas kienu jafu għal xiex ivvutaw. “Ħafna mill-MPs saru sensara tal-pjaċiri u rridu nimbarkaw fuq riforma serja tal-parlament ” sostna Aquilina.

Zammit Marmarà qabel dwar is-senserija tal-pjaċiri u qal li s-sistema elettorali hija waħda li tissellef għal dan it-tip ta’ attitudni. “Naħseb li l-każ ta’ Daphne Caruana Galizia jrid jingħalaq għax din hija ġerħa li taffettwa lill-pajjiż kollu, m’hemmx Nazzjonalisti u Laburisti… il-progress li sar m’iniex kuntent bih għax qed nara qisu testimonjanzi kontra xulxin li mbagħad meta tiġi għas-si u n-no fil-qorti kultant ikolli dubju xi jkun il-verdett,” wissa Zammit Marmarà.