Żmien diffiċli? Xorta responsabbli ma tqabbadx vizzji lil ħaddieħor – Maġistrat

Yash Lucid, Pexels

Il-Maġistrat Joe Mifsud stqarr li minkejja li jifhem li persuna tkun għaddejja minn żmien diffiċli, xorta hi responsabbli meta tbigħ sustanzi illeċiti lill-oħrajn. Spjega li l-individwu jkun qed jikkontribwixxi biex min jixtri d-droga jaqbad u jkompli vizzju li jista’ jkissirlu u jeqridlu ħajtu.

Dr Mifsud, li hu magħruf għall-messaġġi li jgħaddi lis-soċjetà fis-sentenzi tiegħu, qal dan fil-każ tar-raġel ta’ 35 sena residenti Marsalforn li ntbagħat tliet snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li ttraffika l-kannabis u l-kokaina, kif ukoll li kien riċediv.

Aqra: “Ħa nagħtik 10 issa, ejja għal 30 għada” – wieħed mill-SMS li indika traffikar

Il-Maġistrat stqarr li jifhem li l-imputat kien għaddej minn żmien diffiċli anke minħabba ċirkostanzi fil-familja u realtajiet li kellu jiffaċċja f’ħajtu. Fis-sentenza tiegħu Dr Mifsud qal ukoll li l-imputat lanqas ħa l-opportunità li tagħtu l-Qorti tal-Appell Kriminali, meta ngħata probation minflok priġunerija, biex jirregola l-istil ta’ ħajtu u jirritorna fis-soċjetà ħieles mit-triq tal-kriminalità.

Fix-xhieda tiegħu u fl-istqarrija li ta lill-Pulizija, l-imputat kien qal li d-droga li nstabet għandu kienet għall-użu sempliċi tiegħu, madanakollu dejjem naqas li jagħti aktar dettalji dwar kemm kien juża droga kuljum jew b’mod frekwenti. Il-Maġistrat irrimarka li l-Qorti tara li ma jagħmilx sens l-argument tal-imputat, li l-miżien li nstab fil-kamra msakkra b’katnazz kien qed jużah biex jerġa’ jiżen id-droga li jkun xtara.

Fisser li affettwa s-sentenza wkoll li l-akkużat baqa’ ma  ndikax lill-Pulizija, min kien il-persuna li kien qiegħed ifornih bid-droga biex hu jkun jista’ jbigħha.

X’inhi l-piena?

Il-Maġistrat Mifsud spjega li l-piena m’ghandhiex isservi bhala xi forma ta’ vendikazzjoni tas-soċjetà fil-konfront tal-ħati. Stqarr li l-piena għandha diversi skopijiet fosthom li tiġi protetta s-soċjetà – billi l-persuni li b’għemilhom iwettqu att kriminali jkunu barra miċ-ċirkolazzjoni, u li s-sentenza tibgħat messaġġ ċar.