Żmien diffiċli li tkun żagħżugħ – il-Prinċep Charles

Prince Charles

Il-Prinċep ta’ Wales tkellem dwar l-impatt tal-pandemija fuq iż-żgħażagħ fejn sostna li dan il-perjodu huwa partikolarment diffiċli għal min hu żagħżugħ.

Dan qalu f’artiklu ppubblikat fuq Sunday Telegraph fejn issuġġerixxa li jista’ jkun hemm mal-miljun żagħżugħ li jkollhom bżonn għajnuna urġenti fir-Renju Unit. Qal li l-isfida hija li tingħata l-għajnuna lil dawk fil-bżonn hija kbira ħafna, imma mhux waħda li ma tistax tingħeleb.

Matul l-aħħar xhur, diversi riċerkaturi tkellmu dwar l-impatt fuq iż-żgħażagħ kawża tal-virus. Tkellmu dwar l-edukazzjoni u kif qed jinħolqu aktar qasmiet fil-livell edukattiv ta’ bejn min għandu l-flus u min m’għandux. Qalu wkoll li n-nuqqas ta’ kuntatt wiċċ imb’wiċċ għaż-żgħażagħ jaf jikkawżalhom dannu fil-futur.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Prinċep Charles qal: “Dan iż-żmien huwa żmien diffiċli għal kulħadd – imma huwa żmien partikolarment diffiċli għal min għadu żgħir.” Hu kkumpara dan il-perjodu ma’ żminijiet oħrajn fejn it-tama kienet żgħira ħafna. Hu tkellem kif f’perjodu simili lura fis-sebgħinijiet kien fetaħ il-Prince’s Trust li tgħin persuni bejn 11 u 30 sena jfittxu opportunitajiet ta’ xogħol u taħriġ.

“Din is-sena, niċċelebraw il-fatt li fl-aħħar 45 sena, għinna miljuni ta’ persuni biex jibdlu ħajjithom għall-aħjar,” qal il-prinċep. Sostna li fis-snin li ilha topera din it-Trust, ma kienx hemm perjodu faċli. Qal iżda li qatt ma kien hemm perjodu daqshekk diffiċli bħal dak preżenti. Hekk kif il-pandemija ħalliet miljuni ta’ żgħażagħ fi bżonn urġenti ta’ għajnuna biex jipproteġu l-futur tagħhom.

Il-Prinċep Charles, li wkoll ħabbat wiċċu mal-coronavirus, beda l-Young People Relief Fund biex jipprovdi sapport lil żgħażagħ affettwati mill-impatt tal-virus.

Dan hekk kif bħalissa, eluf ta’ studenti universitarji madwar ir-Renju Unit spiċċaw f’lockdown minħabba firxa tal-virus. Ħafna studenti tkellmu dwar it-tħassib u l-konfużjoni tagħhom dwar is-sitwazzjoni.

Intant, minkejja li l-iskola fir-Renju Unit fetħet, il-Kummissarju għat-Tfal tal-pajjiż wissa li madwar 400,000 student ma rritornawx l-iskola.