Żjieda sinjifikanti fl-attakki fuq skejjel fl-Afghanistan hi theddida għat-tfal

Tfal tal-iskola fl-Afghanistan mhedda minn attakki militari

In-Nazzjonijiet Uniti kkonfermat li l-attakki fuq istituzzjonijiet edukattivi fl-Afghanistan fl-ewwl sitt xhur ta’ din is-sena kienu d-doppju ta’ dawk li seħħew fis-sena sħiħa ta’ qabel u bin-numru ta’ tfal li ma jmorrux skola jiżdied għall-ewwel darba mill-2002 ‘l hawn, hemm bżonn issir xi ħaġa urġenti biex ma jkunx hemm aktar tfal Afghani esklużi mill-iskola.

Din it-twissija saret mill-Koalizzjoni Globali għall-Protezzjoni tal-Edukazzjoni mill-Attakki, f’dokument ippublikat f’nofs din il-ġimgħa.

Id-dokument, intitolat “Attakki fuq l-Edukazzjoni fl-Afghanistan” kien publikat biex jaħbat mal-Konferenza Ministerjali ta’ Ginevra dwar l-Afghanistan li saret fi tmiem il-ġimgħa fejn il-komunità internazzjonali u l-Gvern tal-Afghanistan iltaqgħu biex ifasslu strateġiji għall-paċi u l-iżvilupp ta’ dan il-pajjiż.

L-edukazzjoni hi ċ-ċavetta għall-futur tal-Afghanistan u filwaqt li kien hemm ftuħ sinjifikanti fl-aċċess għall-edukazzjoni tat-tfal Afghani mill-2001 ‘l hawn,  – speċjalment għall-bniet – id-dokument juri li fl-aħħar sena żdiedu l-attakki fuq l-iskejjel, l-għalliema u l-istudenti.

“Hu b’għafsa ta’ qalb li qed naraw l-attakki fuq l-edukazzjoni fl-Afghanistan jiżdiedu għax dan qed ipoġġi f’riskju l-progress li sar fl-aħħar 17-il sena, partikolarment fejn tidħol l-edukazzjoni tat-tfal bniet, qalet Diya Nijhowne, Direttur Eżekuttiv tal-Koalizzjoni. “Tkun ħasra li snin ta’ ħidma u l-biljuni ta’ dollari minfuqa, narmuhom”.

Bejn l-2001 u l-2015 kien hemm żjieda ta’ 9 darbiet fin-numru ta’ tfal jattendu l-iskola fl-Afghanistan. Madankollu, aktar minn 3.7 miljun, fosthom 2.2 miljun tfal bniet, għadhom barra mis-sistema edukattiv u dan in-numru reġa’ beda jikber fl-aħħar snin.  Provinċji fejn hemm livelli għolja ta’ nuqqas ta’ sigurtà għandhom nurmu akbar ta’ tfal ma jmorrux l-iskola, partikolarment bniet.

Matul din is-sena l-iskejjel kienu ħafna fil-mira ta’ attakki.  Fl-ewwel ħames xhur biss il-Gvern irreġistra li kien hemm 870 attakk fuq skejjel, theddid jew intimidazzjoni fuq studenti u  għalliema jew ġlied bejn il-forżi armati u gruppi armati, qrib l-iskejjel.  Madwar 1,000 skola għandhom xi ħsarat jew sfaw imkissra jew okkupati minn gruppi armati jew magħluqa minħabba l-ġlied.

Id-Dokument tal-Koalizzjoni jħeġġeġ lill-Gvern tal-Afghanistan u lill-aġenziji internazzjonali u l-partijiet kollha fil-ġlied biex jaħdmu aktar biex ireġġgħu lura ż-żjieda fl-attakki fuq l-edukazzjoni billi jimplimentaw l-impenji li ttieħdu fid-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Siguri.

L-imsemmija Dikjarazzjoni hi mpenn politika biex tkun protetta l-edukazzjoni minn kunflitti armati. IdDikjarazzjoni ffirmawha 82 pajjiż, fosthom l-Afghanistan u tinkludi impenn biex jissaħħaħ il-monitoraġġ u r-rappurtaġġ ta’ attakki fuq l-edukazzjoni, restrizzjoni milli l-iskejjel u l-universitajiet jintużaw għal skopijiet militari u żjieda fir-riżorsi allokati biex ikunu investigati attakki u proċessati dawk li jwettquhom.