Żieda qawwija fl-għadd ta’ saċerdoti fil-Brażil

Jidher li l-Knisja Kattolika fil-Brażil qed tħoss l-effetti tal-Pontifikat ta’ Papa Franġisku.
Minn meta f’Lulju 2013 il-Brażil ospita l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ kien hemm żieda notevoli fl-għadd ta' qassisin.
Skont studju kkummissjonat mill-Konferenza Episkopali Brażiljana, fl-2017 fil-pajjiż kien hemm 27,300 saċerdot ikkomparati mal-24,600 li kien hemm tliet snin qabel – żjieda ta’ 11% f’erba’ snin.
Dan ifisser li hemm saċerdot għal kull 7,800 abitant, meta fl-2014 kien hemm saċerdot għal kull 8,130 abitant.
Imma fil-bidu tas-snin 2000, il-Knisja Kattolika fil-Brażil kellha biss 16,000 saċerdot.
Għall-popolazzjoni tal-Brażil li llum hi ta’ aktar minn 200 miljun persuna, dan in-numru hu wieħed modest marbut mal-fatt li hemm disparità kbira bejn ir-reġjuni diversi tal-pajjiż. Pereżempju f’nofs l-Amazonia fid-djoċesi ta’ Xingu hemm biss 27 qassis għal 700,000 kattoliku. Din is-sitwazzjoni mistennija tkun diskussa f’Ottubru 2019 waqt Sinodu li se jsir fl-Amazonia.
Din iż-żieda fil-vokazzjonijiet saċerdotali qed tinħass filwaqt li l-għadd ta’ Kattoliċi fil-pajjiż qed jonqos. In-numru ta’ Kattoliċi jvarja bejn 50% u 60% tal-popolazzjoni filwaqt li l-gruppi Evanġeliċi huma madwar 25% tal-popolazzjoni filwaqt li dawk bla ebda reliġjon huma madwar 10%.
Iż-żieda fl-għadd ta’ saċerdoti hi dovuta għal numru ta’ vokazzjonijiet tardivi. Għad ta’ nies maturi qed jidħlu fis-seminarji.