Żjara storika mill-produtturi tal-inbid Alsace

Il-Confrérie Saint-Etienne d’Alsace, waħda mill-eqdem assoċjazzjonijiet Franċiżi mwaqqfa fis-seklu 14, għadha kif temmet l-ewwel żjara uffiċjali tagħha f’Malta. Numru ta’ produtturi tal-inbid minn Alsace ġew f’pajjiżna biex jiċċelebraw din iż-żjara storika. Fosthom kien hemm membri mill-Familja Hugel, Gustave Lorentz, Charles Wantz u Jean-Luc Freudenreich, kif ukoll il-Granmastri attwali u preċedenti tal-Confrérie.
Matul iż-żjara, il-membri tal-Confrérie żaru siti storiċi importanti f’Malta u Għawdex u ġew organizzati żewġ avvenimenti bl-inbid biex issir promozzjoni tal-inbejjed ta’ Alsace: sessjoni informali li fiha wieħed seta’ jduq dawn l-inbejjed fi Trabuxù, il-Belt, u pranzu formali f’Palazzo de Piro, l-Imdina. F’dan l-avveniment formali, membri mis-settur lokali tal-inbid u l-ikel, kif ukoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ambaxxatriċi Franċiża Mme Béatrice Le Fraper du Hellen, intlaqgħu mill-Confrérie.
Il-Confrérie Saint-Etienne d’Alsace għandha storja li tiddistingwiha fis-servizz tal-inbid f’Alsace. Bħal ħafna mis-snajja’ wara r-Rivoluzzjoni Franċiża, din is-sengħa waqfet fl-1848 u reġgħet ħadet il-ħajja wara t-Tieni Gwerra Dinjija; u din is-sena qed tfakkar is-70 anniversarju mill-forma l-ġdida tagħha. Illum, il-kwartieri tal-Confrérie qegħdin fix-Château de Kientzheim, li nxtara fl-1973. Il-mużew tal-inbid tar-reġjun ta’ Alsace jinsab fuq in-naħa ta’ barra tal-bini, u fil-kastell innifsu jsiru s-sessjonijiet li fihom in-nies iduqu l-inbid, korsijiet edukattivi u seminars oħrajn marbutin mal-inbid u l-ikel. It-teżor tal-Confrérie huwa, bla dubju ta’ xejn, il-librerija tal-inbid jew l-enoteka, li nbniet apposta, b’kollezzjoni unika ta’ aktar minn 65,000 flixkun tal-inbid minn Alsace. Dawn imorru lura għas-sena 1834, u hemm flixkun inbid speċjali ħafna tas-sena 1472 li ngħata mill-Hospices de Strasbourg.