Żjara ppjanata mill-Kummissjoni Taljana ta’ kontra l-mafja tieħu żvolta ġdida

Il-Kummissjoni Taljana ta’ kontra l-mafja ġejja Malta fi żjara li kienet ilha ppjanata, iżda li issa se tieħu żvolta ġdida bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-ġurnal Taljan onlajn, Ansa, irrapporta li nhar it-Tnejn u t-Tlieta dil-kummissjoni se tkun Malta, irrappreżentata mill-president tagħha, Rosy Bindi.
Iż-żjara f’Malta tkompli mal-missjoni ta’ din il-kummissjoni kontra l-mafja, bi żjarat simili diġà saru fil-Kanada, San Marino, l-Olanda u issa Malta.
Il-mira ewlenija ta’ dawn il-missjonijiet internazzjonali hi l-ħasil tal-flus u l-użu ta’ dawn il-flejjes meta jerġgħu jiddaħħlu jiċċirkolaw fl-ekonomija.
Ansa qalet ukoll li l-missjoni se tħares ukoll lejn l-industrija tal-gaming, suġġett studjat mill-kummissjoni, kif ukoll lejn il-fatt li Malta tant qrib Sqallija u l-implikazzjonijiet ta’ dan mal-mafja.
Il-fatt li Daphne Caruana Galizia kitbet kemm-il darba dwar allegati każijiet kriminali li fihom hemm involuta Malta u l-mafja ta’ Sqallija, u l-mewta traġika tagħha nhar it-Tnejn, diż-żjara se tieħu laqta differenti, itemm jgħid il-ġurnal Taljan.
Ritratt: ANSA