Żjara Papa: Delegazzjoni mill-Vatikan għal Malta f’dawn il-jiem

Read in English.

Fil-jiem li ġejjin, se tkun qed tiġi Malta delegazzjoni mill-Vatikan sabiex iżżur il-postijiet li huma parti miż-żjara proposta. Dan qalu l-Arċisqof Charles Scicluna f’kumment ma’ Newsbook.com.mt wara li dalgħodu ħabbar b’mod uffiċjali ż-żjara tal-Papa f’Malta fil-31 ta’ Mejju.

L-Arċisqof spjega li wara din iż-żjara jittieħdu d-deċiżjonijiet finali biex jitħabbar il-programm.

Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Malta George Vella qal li din iż-żjara hija aħbar sabiħa ħafna. Spjega li din se ġġib il-barka ta’ Alla fuq il-pajjiż. Qal li din se ġġib magħha iktar għaqda li bħalissa hemm bżonnha bejn il-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li kien sorpriż bl-aħbar. Iddeskriviha bħala opportunità unika biex wieħed juri li Malta kapaċi tilqa’ fiha lir-ragħaj tal-Knisja Kattolika.

Intant, il-Ministru Josè Herrera, li kien qed jirrappreżenta lill-Gvern Malti waqt il-Quddiesa Pontifikali tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, iddeskriva l-aħbar bħala waħda pożittiva u qal li hu ferħan ħafna li l-Papa Franġisku se jżur lil Malta.