Żjara f’Għawdex bħalissa hija nuqqas ta’ responsabbiltà – Eks Ministru

Miguela Xuereb

L-Eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li bħalissa huwa nuqqas ta’ responsabbiltà jekk ikun hawn min jiddeċiedi li jmur jgħaddi ġurnata Għawdex.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Caruana qalet li hi kienet taħdem bis-saħħa biex Għawdex isir destinazzjoni għas-sena kollha. Qalet li t-turiżmu intern, kien għadu u jibqa’ essenzjali. Qalet iżda li fiċ-ċirkostanzi attwali, minħabba l-imxija tal-COVID-19, hemm bżonn aktar responsabbiltà.

Sostniet li r-regolamenti li hemm Malta japplikaw bl-istess bod għal Għawdex. Spjegat li minkejja dan, fl-aħħar jiem kien hemm influss ta’ nies li marru Għawdex biex forsi jaljenaw u joħorġu ftit. Qalet li f’ċirkostanzi normali din xi ħaġa tajba, iżda f’dawk preżenti, le.

Permezz tal-post hi qalet li tifhem li jkun hemm min ikollu jaqsam bejn il-gżejjer għall-bżonn u f’kull każ għandu jsegwi d-direttivi mogħtija. Qalet iżda li għandu jiġi evitat vjaġġar bla bżonn. “Dan ikun nuqqas ta’ rispett lejn ħaddieħor u inġustizzja kbira mar-residenti u l-ħaddiema li baqgħu joffru servizz vitali,” temmet tgħid Caruana.

Jien l-ewwel waħda ħdimt kemm flaħt biex Għawdex isir destinazzjoni matul is-sena kollha u t-turiżmu ntern kien, għadu u…

Posted by Justyne Caruana on Tuesday, March 31, 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn