ŻiguŻajg: Vetrina ta’ talent lokali u internazzjonali impressjonanti

Fil-qalba tal-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ ŻiguŻajg, il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, jispikkaw kwistjonijiet topiċi ta’ relevanza attwali, fosthom l-ambjent, il-multikulturaliżmu, il-bullying, l-identità sesswali u l-irwol taż-żgħażagħ fis-soċjetà.

Read in English.

Id-disa’ edizzjoni ta’ ŻiguŻajg tinsab lesta biex toffri programm varjat għal tfal ta’ kull età. Bħalissa, ‘il fuq minn 130 artist minn madwar id-dinja qed jippreparaw għal dan il-festival tant maħbub. Il-programm jikkonsisti f’21 proġett minn Malta, il-Belġju, il-Kanada, id-Danimarka, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, Spanja u r-Renju Unit.

Matul is-snin, ŻiguŻajg serva ta’ pjattaforma biex jiġu ttrattati kwistjonijiet kurrenti ta’ interess pubbliku. Il-protezzjoni tal-ambjent minn dejjem kien suġġett ewlieni fl-aġenda tal-festival, u xejn inqas din is-sena. Produzzjonijiet bħal Wild, Wonder Waters u l-film Jacob, Mimmi and the Talking Dogs jindirizzaw direttament il-ħsara li l-azzjonijiet tagħna jħallu fuq l-ambjent. B’mod simili, il-multikulturaliżmu u l-integrazzjoni huma prominenti f’Tingo: The Tuneless Bird, filwaqt li JamBoy jittratta l-ibulljar.

ŻiguŻajg huwa magħruf għall-mod kif kontinwament irawwem produzzjonijiet stupendi fil-qasam kreattiv u artistiku. Din is-sena, il-festival ikkummissjona ħames proġetti, filwaqt li ħames wirjiet oħra huma ko-produzzjonijiet ma’ entitajiet kulturali pubbliċi oħra. Ħożż il-Ħsejjes huwa proġett multidixxiplinarju ispirat mir-relazzjoni intrinsika bejn it-tafal u l-qamħ, u huwa produzzjoni bi sħab bejn ŻiguŻajg u l-Fondazzjoni Gabriel Caruana.

It-Teatru Manoel u ŻiguŻajg ingħaqdu biex itellgħu produzzjoni ta’ The Impresario, opra komika ta’ Wolfgang Amadeus Mozart. Fl-istess waqt, ir-rumanz klassiku u kontroversjali ta’ Anthony Burgess A Clockwork Orange se jieħu l-ħajja bħala Larinġa Mekkanika, f’ko-produzzjoni ma’ Teatru Malta. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta kkollaborat fuq Robin Hood u Marian biex tipprovdi vjaġġ ta’ mużika u teatru. U ŻfinMalta qed tagħti sehemha f’Get Loose, spettaklu mimli enerġija li jiċċelebra l-ħajja, l-individwalità u d-diversità.

Imma dak mhux kollox. Il-programm fih ukoll wirjiet interattivi u multisensorjali immirati għal tfal ċkejknin. Parti kbira mir-repertorju ġie mfassal apposta biex jistimola t-tfal mit-twelid sa erba’ snin. L-udjenzi jistgħu jħejju ruħhom għal firxa wiesgħa ta’ spettakli kkuluriti u vibranti li jvarjaw minn installazzjonijiet ta’ dwal u ħsejjes, sa żfin u wirjiet bid-dellijiet tal-pupazzi.

Tfal ikbar imbagħad għandhom għażla minn teatru fiżiku, mima, teatru bbażat fuq iċ-ċirku u installazzjonijiet artistiċi. Hemm ukoll il-films: wieħed jista’ jara l-imsemmi Jacob, Mimmi and the Talking Dogs jew inkella Fight Girl, li huwa dwar tfajla u l-avventuri tagħha fil-kickboxing.

“Din hija tabilħaqq ġabra meraviljuża ta’ xogħlijiet Maltin u internazzjonali li jqanqlu l-ħsieb u jagħtu gost fl-istess ħin,” qal id-Direttur tal-Festival Daniel Azzopardi, “Hija għażla mżewqa li għandha tferraħ lil eluf ta’ tfal u l-familji tagħhom madwar Malta u Għawdex.”

ŻiguŻajg huwa mtella’ mill-Fondazzjoni Kreattività u se jsir mill-15 sal-24 ta’ Novembru 2019. Bosta mill-inizjattivi se jittellgħu fil-Belt Valletta u f’Għawdex. Il-booking għall-festival issa jinsab miftuħ. Għal aktar informazzjoni dwar il-produzzjonijiet diversi li hemm fil-programm u biex tibbukkja l-biljetti żur is-sit ta’ ŻiguŻajg.