Aġġornata (3): “Il-Gvern ma jridx jipproteġi t-tarbija fil-ġuf” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia rrimarka kif minkejja li l-Gvern qed jaħdem sabiex jipproteġi lin-nisa, “jidher li ma jridx jipproteġi lit-tarbija fil-ġuf”.
Waqt attività politika fl-Imsida, Delia sostna li hemm bżonn li l-Gvern jieħu deċiżjoni, jew favur jew kontra l-abort, filwaqt li fakkar li l-pożizzjoni tal-PN tibqa’ dejjem favur il-ħajja, mill-konċepiment sal-mewt naturali. Qal ukoll li jekk ħadd mhu se jiddefendi l-ħajja, se jassigura li jiddefendiha l-PN.
Delia fakkar fl-importanza tal-mara fis-soċjetà fejn spjega li hemm bżonn li n-nisa jingħataw ir-rispett mhux biss f’Jum il-Mara, iżda f’kull jum tas-sena.
Insista li l-obbligu tal-Gvern mhux li jagħmel il-kwoti imma li jneħħi l-problemi kollha li jżommu lin-nisa lura.
“Żieda tal-kriminalità fl-Imsida; Pulizija wieħed fl-Għassa”
Dr Delia insista li l-Gvern ħalla lill-Imsida f’abbandun totali u għalhekk żdiedet il-problema tal-kriminalità fil-lokalità.
Kompla jgħid li huwa obbligu tal-Gvern li jara x’jagħmel biex jiġġieled il-kriminalità fl-Imsida hekk kif bosta anzjani saru jibżgħu joqogħdu waħedhom.
Saħaq li dan kollu ġej min-nuqqas ta’ investiment min-naħa tal-Gvern fil-Pulizija u jgħid kif fl-Għassa tal-Imsida dalgħodu kien hemm biss Pulizija wieħed. Għaldaqstant qal li Gvern Nazzjonalista jerġa’ jassigura l-ikbar investiment b’għaqal li jagħti lura r-rispett u d-dinjità lill-Korp.
“It-telfa ta’ Miceli ma tfissirx il-waqfien fil-ġlieda kontra l-faqar”
Filwaqt li sellem il-memorja ta’ Charles Miceli, l-attivistà kontra l-faqar li miet fl-età ta’ 68 sena, Delia sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jissielet għal dak li Miceli kien iddedika ħajtu għalih.
Delia semma kif fl-aħħar snin, l-għadd ta’ nies fil-periklu ta’ faqar żdied b’ 4,000 persuna. Qal kif minkejja li l-ekonomija sejra tajjeb ħafna u l-Gvern jinsisti li Malta tinsab fl-aħjar żmien,  jidher li dawk li m’għandhomx biex iħallsu għall-ħtiġijiet tagħhom qed jikber sena wara sena.
 “In-nanniet tagħna qed jgħixu fil-faqar f’darhom”
Delia insista li l-Gvern għandu obbligu li jħares l-anzjani u l-pensjonanti kollha Maltin u Għawdxin, u għaldaqstant hemm bżonn jissolvew il-problemi f’dan is-settur.
Sostna li bosta huma l-anzjani li qed jgħixu f’faqar estrem fid-djar tagħhom u għaldaqstant il-PN se jkun qed jistiedem lill-Prim Ministru Joseph Muscat sabiex jagħti prijorità assoluta lill-anzjani u jibdew diskussjonijiet serji dwar il-pensjonijiet fil-Parlament, minn għada stess.
Kompla jgħid li l-anzjani huma l-wirt tal-pajjiż u għalhekk għandhom jiġu trattati b’mod dinjituż.
“Għal Adrian Delia post il-mara hu biss id-dar” – PL
Il-Partit Laburista saħaq li Delia qed jinsisti li post il-mara hu biss id-dar.
F’reazzjoni għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-PL sostna li minkejja li jirrispetta l-għażla ta’ min jibqa’ d-dar, il-pensjoni hija sostenibbli għax “eluf ta’ nisa ħarġu fid-dinja tax-xogħol”.
Il-PL ittimbra d-diskors ta’ Delia bħala wieħed sessist, li “juri d-differenza bejn iż-żewġ partiti”.
Kompla jgħid li l-Gvern Laburista żied il-pensjoni sena wara oħra, u jinsisti li dan sar wara 25 sena ta’ pensjonijiet iffriżati minn Gvernijiet Nazzjonalisti.
“Delia qed iqarraq…il-faqar qed jonqos mhux jiżdied” – PL
Il-Partit Laburista, fi stqarrija separata, insista li n-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqas b’14,000 persuna fl-ewwel tliet snin ta’ Gvern Laburista.
Fl-istqarrija, il-PL spjega kif bejn l-2008 u l-2013, in-numru kien żdied bi 18,000 persuna. Kompla jgħid li fl-2008, in-numru kien dak ta 81,000 li tela’ għal 99,000 sal-2013. Bejn l-2013 u l-2016 in-numru reġa’ niżel, u issa jinsab fil-livell ta’ 85,000 persuna.
“Il-PL qed imur kontra dak li wiegħed fil-manifest tal-2013” – PN
Il-PN saħaq li l-istqarrija tal-PL qed tmur kontra dak li ġie mwiegħed fil-manifest elettorali tal-2013, fejn il-Prim Ministru kien qal li se jaħdem sabiex kemm il-faqar magħruf, kif ukoll dak moħbi, jiġi eradikat matul l-ewwel leġiżlatura.
Għaldaqstant jgħid li l-aħħar statistika tal-Eurostat, flimkien mal-istqarrija tal-PL juru li għad hawn 85,000 persuna fil-faqar, li jinkludu 22,000 anzjan u anzjana li mhux ilaħqu mal-ħajja bil-pensjoni baxxa.