Żieda ta’ każijiet ta’ Covid-19 fl-Italja u l-Ingilterra

Żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ mwiet ta’ kuljum minħabba l-coronavirus u n-numru ta’ każijiet ġodda fl-Italja

L-Italja rreġistrat l-akbar żieda ta’ każijiet sa mis-16 ta’ Mejju meta l-pajjiż kien għadu taħt lockdown nazzjonali. B’845 każ ġdid, il-pajjiż issa laħaq total ta’ 256,118. Iċ-ċifri tal-Ħamis irrappreżentaw żieda ta’ 203 każ aktar mill-Erbgħa. B’kollox mietu sitt persuni, biex issa 35,418 tilfu ħajjithom fl-Italja.

L-awtoritajiet tas-saħħa Taljani komplew iżiedu t-testijiet, fejn ilbieraħ saru kważi 77,000. L-aktar reġjuni li kellhom żidiet fil-każijiet kienu l-Veneto (+159), il-Lombardija (+154) u l-Lazio (+115). Il-Gvern qal li fil-preżent l-aktar milquta qed ikunu dawk ta’ madwar 30 sena, u qed jirriżultaw l-aktar minn sitwazzjonijiet rikreattivi. Madankollu, il-maġġoranza tal-każijiet qed ikunu bla sintomi u mhux qed jitqiesu bħala serji.

Ir-Renju Unit ukoll reġa’ qed jirrapporta numru akbar ta’ każijiet ta’ Covid-19 iżda hawn ukoll hija riflessjoni ta’ żieda fit-testijiet li qed isiru madwar il-pajjiż. Ilbieraħ, l-awtoritajiet ikkonfermaw 1,182 każ ġdid minn 190,434 test. Sitt persuni tilfu ħajjithom, biex issa t-total ta’ mwiet tela’ għal 41,403.