Żieda ta’ iktar minn 40% fl-impjiegi f’Għawdex sa qabel il-Covid-19

In-numru ta’ impjiegi full-time f’Għawdex żdiedu b’aktar minn 40% bejn l-aħħar tas-sena 2013 u l-bidu ta’ din is-sena, biż-żieda kważi kollha fis-settur privat.

Figuri ppubblikati mill-Ministru għall-Finanzi l-ġdid Clyde Caruana juru kif 9,526 persuna kienu qed jaħdmu full-time f’Għawdex. Minn dawn, kien hemm 5,812 jaħdmu mas-settur privat waqt li 3,714 kienu qed jaħdmu fis-settur pubbliku.

It-total ta’ persuni li jaħdmu full-time f’Għawdex tela’ għal 13,470 sa Jannar 2020, żieda ta’ 41.4%. Filwaqt li l-impjiegi fis-settur pubbliku  żdiedu bi 3.3 % għal 3,838, il-ħaddiema tas-settur privat f’Għawdex żdiedu għal 9,632, żieda ta’ 62.6%.

Il-ħaddiema rġiel f’Għawdex jammontaw għal 62.5%  jew aħjar 8,429 meta mqabbla mas-37.5% li huma nisa. Dan l-iżbilanċ huwa ikbar fis-settur privat fejn 79.5% huma rġiel. Is-sitwazzjoni ħżienet matul is-snin, hekk kif sat-tmiem 2013, il-ħaddiema rġiel kienu 74.2% tal-impjiegi kollha. Fis-settur pubbliku hemm iktar bilanċ fejn 58.8% biss huma rġiel, u din tniżżlet minn 62.6% li kienu fl-2013.

Ġie ċċarat li dawn mhumiex figuri definiti għax ma jikkunsidrawx l-impatt tal-pandemija fuq il-qasam tax-xogħol f’Għawdex.