Żieda ta’ aktar minn 50% tal-applikazzjonijiet fl-ITS

Read in English.

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) ħabbar li matul is-sena li għaddiet kien hemm żieda ta’ 53% tal-applikazzjonijiet għall-korsijiet full-time.

L-aktar programmi li raw żieda fl-ammont ta’ applikazzjonijeit kienu ċ-ċertifikat għall-ivjaġġar u t-turiżmu, Higher National Diploma biex wieħed isir gwida u Baċċellerat fl-Arti Kulinari li qed ikun offrut b’kollaborazzjoni mal-Istitut Paul Bocuse fi Franza.

L-ITS ħabbar li minħabba d-domanda tal-istudenti, l-applikazjonijiet se jibqgħu miftuħa sal-31 ta’ Awwissu 2019. Kull min jixtieq japplika jista’ jidħol fis-sit tal-ITS.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech qal li huwa kuntent li qed jiżdiedu l-istudenti li jagħżlu l-ITS biex ikomplu l-istudji tagħhom fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. Żied li huwa pass pożittiv li jara ħafna mill-istudenti jagħmlu suċċess f’din l-industrija.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li huwa ta’ inkoraġġament li n-numru ta’ studenti għall-korsijiet tal-ITS żdied. Kompla li huwa sinjal ċar li aktar studenti qed jagħżlu karrieri fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità.

Mizzi qal li fl-ITS qed jiżdiedu l-korsijiet li jvarjaw mil-livell ta’ Foundation għal dak ta’ Masters. Semma li din is-sena l-ITS qed toffri Masters fl-Ospitalità Maniġerjali Internazzjoni b’kollaborazzjoni mal-Emirates Academy of Hospitality Management.