Żieda ta’ aktar minn 450 persuna f’xahar jirreġistraw għax-xogħol

Aġġornat 06:36 PM

Read in English.

Kien hemm żieda ta’ 466 persuna li rreġistraw għax-xogħol minn Frar sa Marzu 2020 fi żmien fejn il-pandemija tal-coronavirus qed toħloq ħafna pressjoni fuq is-suq tax-xogħol.

Din il-figura toħroġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dalgħodu.

Fi Frar tal-2020, kien hemm 1,659 persuna li qed jirreġistraw għax-xogħol – 1,500 f’Malta u 159 f’Għawdex. Skont l-NSO f’Marzu tal-2020 in-numri telgħu għal 2,125 persuna jirreġistraw – 1,946 f’Malta u 179 f’Għawdex.

NSO

F’Marzu tal-2019 kien hemm 1,772 persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol – 19.9% inqas meta maqqabel man-numri ta’ din is-sena.

Minn figuri provduti mill-JobsPlus, instab li dawk Ii kienu qed jirreġistraw għal inqas minn 21 ġimgħa żdied bi 80.3% f’Marzu ta’ din is-sena meta mqabbel ma’ Marzu tal-2019.

In-numru ta’ persuni b’diżabilità li qed jirreġistraw għax-xogħol żdied b’20 persuna meta mqabbel mas-sena l-oħra. B’hekk hemm 239 persuna b’diżabilità reġistrati.

Rata ta’ qgħad bla precedent – PN

Il-PN qal li filwaqt li l-Gvern qed jipprova jagħti l-impressjoni li m’hawnx min qed ibati mill-kriżi tal-coronavirus, il-qgħad żdied b’rata bla precedent ta’ 28%.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li jinnota b’dispjaċir li l-politika ta’ selettività u diskriminazzjoni li addotta l-Gvern dwar min jieħu l-assistenza tal-wage supplement sħiħ tal-COVID-19 qed twassal biex jintilfu mijiet ta’ impjiegi fi ftit jiem minn mindu faqqgħet il-kriżi tal-COVID-19.

“Minkejja l-impressjoni li kien qiegħed jagħti l-Gvern f’dawn l-aħħar jiem li m’hawnx setturi u impjegati li qed ibatu minn din il-kriżi, l-istatistika uffiċċjali tal-NSO stess turi mod ieħor. Fil-fatt meta wieħed iqabbel iż-żieda ta’ dawk li bdew jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar xahar jara li l-qgħad żdied bir-rata inkwetanti u bla preċdent ta’ 28%. Dan jixhed nuqqas kbir ta’ reżiljenza ekonomika kif ukoll inġustizzja soċjali kbira ma’ dawk il-familji li ntlaqtu u li se jaraw tnaqqir fil-kwalità tal-ħajja tagħhom,” qal il-PN.

Il-PN reġa’ appella biex l-għajnuna ta’ €800 tiġi estiz għall-intrapriżi kollha li x-xogħol jew il-cash flow tagħhom naqsilhom b’50% jew aktar.

“Oppożizzjoni li moħħha biss kif se tipprova tikseb xi punt politiku – Il-Gvern

F’reazzjoni għal dak li qal il-PN, il-Gvern qal li l-Oppożizzjoni donnha qed tieħu pjaċir li kif prevvist kien se jkun hawn nies li se jispiċċaw bla xogħol u qed tipprova tikseb xi punt politku minn dan il-fatt.

“Il-Gvern nieda pakketti ekonomiċi wieħed wara l-ieħor sabiex ikunu mgħejuna n-negozji, il-ħaddiema u s-self-employed. Dawn il-pakketti qed isiru wkoll sabiex kemm jista’ jkun nies ma jitilfux xogħlhom iżda dawk li jispiċċaw bla xogħol, ikunu mgħejuna. Dawn il-pakketti kienu possibbli anke għall-patt soċjali ffirmat bejn l-imsieħba soċjali kollha u l-Gvern, xi ħaġa bla preċedent,” qal il-Gvern fi stqarrija.

Skont il-Gvern, in-numru ta’ nies fuq ir-reġistru f’Marzu 2013 kien 7,350.

“Dan l-ammont kien tliet darbiet aktar mill-ammont ta persuni li kienu fuq ir-reġistru f’Marzu 2020. Il-qgħad għadu f’livell ferm baxx ikkumparat mal-medja taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista,” qal il-Gvern.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn