Żieda ta’ ajruplan ieħor mal-flotta tal-Air Malta

L-Air Malta se tikkonkludi ftehim sabiex tikri ajruplan ġdid tat-tip Airbus A320neo, li jesa’ 180 post u li għadu ħiereġ mil-linja tal-produzzjoni. 
Dan tħabbar illum miċ-ċermen tal-Air Malta, Charles Mangion, li qal li dan l-ajruplan se jagħti flessibilità addizzjonali fl-operat tar-rotot il-ġodda li se tkun qed toffri l-Air Malta mis-sajf li ġej.
L-ajruplan li bħalissa qed jiġi assemblat fl-impjant tal-Airbus f’Toulouse fi Franza, se jingħaqad mal-flotta tal-Air Malta f’Mejju li ġej u għalhekk se tkun qed t’opera b’10 ajruplani Airbus.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi żied jgħid li l-ajruplan il-ġdid huwa żieda milqugħha għall-flotta tal-Air Malta, b’mod speċjali minħabba ix-xhur impenjattivi li ġejjin.
It-tip tal-ajruplan huwa żvilupp riċenti ħafna, li minbarra li ġej bi speċifikazzjonijiet imtejba fejn tidħol id-dehra tal-kabini li tinkludi dawl LED u ħażna tal-bagalji akbar, l-ajruplan huwa mbassar li se jnaqqas l-ispejjeż operattivi speċjalment fejn tidħol l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil b’11.17%.