Żieda ta’ 8% fl-għadd ta’ ħaddiema approvati mal-WSC

Matul is-sena li għaddiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kellha compliment ta’ 987 persuna, jew żieda ta’ 8% fuq l-2013.
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija fil-Parlament mill-Prim Ministru Joseph Muscat fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.
Il-Prim Ministru ddefenda r-reklutaġġ ta’ multi-skilled fitters mal-Korporazzjoni, u li fi kliemu “se jindirizza dawk il-persuni li rtiraw mix-xogħol tagħhom f’dawn is-snin u l-ispiża tal-pagi ta’ dawn il-ħaddiema se tkun cost neutral sal-2018”. Qed jingħad li l-għadd ta’ persuni li se jkunu reklutati b’dan il-mod hu ta’ 150 persuna.
150 impjegat ifisser madwar 15% tal-għadd ta’ impjegati li l-Korporazzjoni kellha approvati fl-aħħar tal-2016.
L-għadd ta' ħaddiema approvati żdied gradwalment fl-aħħar erba’ snin, minn 912 persuna fl-2013 għal 975 persuna fl-2014, 968 persuna fl-2015 u 987 fl-2016. Ma kienx indikat jekk il-compliment żdiedx fl-ewwel tliet xhur tal-2017.
Dr Muscat qal li fl-aħħar erba’ snin il-Korporazzjoni tejbet is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tant li minn telf issa qed tagħmel qligħ. Fakkar li din is-sena l-Korporazzjoni se tkun qed tiftaħ tliet impjanti ġodda ta’ produzzjoni ta’ new water li mistennija jiġġeneraw mas-7 miljun metru kubu ta’ ilma ġdid mid-drenaġġ. Sostna li minkejja li l-produzzjoni tal-ilma ser tiżdied b’terz permezz tan-new water, il-Korporazzjoni ser iżżomm l-istess livell ta’ impjiegi. 
Huwa qal li l-proċedura li qed tintuża biex jiġu rreklutati l-ħaddiema ġodda “hi dik li normalment tintuża f’każi ta’ reklutaġġ”, jiġifieri b’talba lil Jobs Plus.
Intant, fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Charlo Bonniċi, il-Prim Ministru ma qalx kemm se jkunu reklutati persuni mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hekk kif wieġeb biss li “l-proċess għadu mhux finalizzat”.