Żieda ta’ 7000 karozza kuljum fit-toroq f’Pembroke

Il-Partit Demokratiku (PD) qal li l-kumpless tad-db Group, li se jinbena minflok is-sit fejn qabel kien hemm l-ITS f’Pembroke, se joħloq żieda ta’ madwar 7000 karozza li ta’ kuljum iridu jgħaddu mill-inħawi ta’ Pembroke, tas-Swieqi u ta’ San Ġiljan.

Il-proġett ta’ twessiegħ ta’ toroq u tal-mina f’St.Andrew’s mhux se jkunu biżżejjed biex ilaħħqu mal-ammont ta’ traffiku fiż-żona, skont il-PD, u l-erba’ traffic lights li hemm fiż-żona qed ikomplu jżidu fil-konġestjoni.

Il-PD wissa’ li dan il-proġett mhux biss se jżid it-traffiku iżda se jipperikola l-wirt naturali bil-qerda ta’ Għar Ħarq Ħammiem. Huwa rrimarka wkoll kif negozjant wieħed jiddetermina x’għandu jiġri meta eluf ta’ residenti huma kontra dan il-proġett u l-PD l-uniku partit fil-parlament li qed jopponi l-proġett.

Fl-istqarrija l-PD staqsa wkoll kif il-masterplan ta’ Paceville qed ikun abbandunat u mozzjoni fil-Parlament għal masterplan nazzjonali tibqa’ injorata.