Żieda ta’ 36 vettura liċenzjata kuljum fl-2017

Is-sena l-oħra kien hemm żieda medja ta’ 36 vettura liċenzjata kuljum. Fl-aħħar kwart tas-sena il-medja kienet dik ta’ 30 vettura kuljum.
Dan tħabbar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fir-rapport tal-aħħar kwart tas-sena 2017.
Fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2017, l-ammont ta’ vetturi liċenzjati tela’ għal 372,061, b’żieda ta’ 3.7% fuq l-istess kwart tal-2016.
Minn dan l-ammont, 78.4% ta’ vetturi liċenzjati kienu karozzi privati, 13.6% kienu karozzi kummerċjali, 6.9% muturi u quadbikes, filwaqt li karozzi ta-trasport pubbliku jammontaw għal inqas minn 1%.
5,889 liċenzja ġdida ġiet maħruġa tul l-aħħar kwart tal-2017, jiġifieri bejn Ottubru u Diċembru, meta 75.1% kienu liċenzji sabiex jinstaqu karozzi privati.
Fl-istess kwart tas-sena, 6,687 vettura tneħħew mit-toroq minħabba xi restrizzjonijiet, li 40.4% minnhom tpoġġew mill-ġdid fis-suq, 29.7% tpoġġew ġo garaxxijiet u 27.7% ġew skrappjati.