Żieda ta’ 2.4% għall-ajruport f’Settembru

Ix-xahar li għadda l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra żieda ta’ 2.4% fit-traffiku, b’total ta’ 463,215 passiġġier.
Din iż-żieda qed tidher fid-dawl tal-għeluq tal-ispazju tal-ajru Libjan minn nofs Lulju, li rriżulta f’anqas passiġġieri minn dan is-suq.
Matul Settembru, il-moviment tal-ajruplani fl-ajruport żdied b’0.9% għal 3,199, filwaqt li l-moviment tal-passiġġieri żdied b’1.1% għal 540,423.
Franza kien is-suq li rreġistra l-akbar tkabbir bi 11%. It-traffiku mill-Italja u r-Renju Unit żdied bi 8.9% u 6.7% rispettivament.
Sadanittant, Spanja u l-Ġermanja raw tnaqqis ta’ 11% fil-mija u 5.7% rispettivament.
Bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien hemm żieda ta’ 7.2% meta mqabbel mas-sena li għaddiet, b’total ta’ 3,385,808 passiġġier.

Ritratt: Kurt Arrigo / MIA Facebook