Żieda ta’ 180% fl-immigranti li waslu Malta u l-Italja

Mill-bidu tas-sena sal-lum kienu aktar minn 20,000 l-immigranti irregolari li waslu Malta u l-Italja.

Din tissarraf f’żieda ta’ 180% fuq is-sena li għaddiet.

Kienet l-aġenzija Ewropea, Frontex li għaddiet din l-istatistika bi tweġiba għall-mistoqsijiet li saru minn Newsbook.com.mt.

Fid-dawl tat-tensjoni li qed tikber fis-Sirja, żdiedu wkoll l-immigranti u refuġjati li qed jaħarbu minn dan il-pajjiż fil-Lvant Nofsani.

Matul dawn l-aħħar tmin xhur kienu 1,300 r-refuġjati li ħarbu mis-Sirja u waslu l-Ewropa. Uħud minn dawn is-Sirjani waslu wkoll Malta fl-aħħar żbarki.

Il-kelliem għall-Frontex stqarr ma’ Newsbook.com.mt li l-biża tal-aġenzija, li tikkontrolla l-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, hija li n-numru tar-refuġjati mis-Sirja se jiżdied meta l-Greċja qed tikkunsidra li ma taċċettax aktar immigranti.